“Jew tikkonvertu, jew tħallsu taxxa inkella x-xabla”

Insara fl-Iraq qed ikollhom jaħarbu minn Mosul wara li militanti Iżlamiċi qed jheddu li joqtluhom jekk ma jikkonvertux għall-Iżlam. Min jirrifjuta li jikkonverti għall-Iżlam ma jinqatilx jekk iħallas dik li qed tissejjaħ “it-taxxa tal-protezzjoni”. 
Stqarrija maħruġa mill-Istat Iżlamiku fl-Iraq u s-Sirja li nqrat fil-moskej kollha ta’ Mosul, tappella lill-Insara sabiex jaqilbu r-reliġjon tagħhom sa nofsinhar tas-Sibt, għax inkella jiffaċċjaw il-mewt.
Dan l-ultimatum jikkwota kuntratt storiku magħruf bħala d-“dhimma”.
Skont dawn il-kundizzjonijiet, persuni li ma jħaddnux ir-reliġjon Musulmana u li jirrifjutaw li jikkonvertu, jingħataw biss il-protezzjoni jekk iħallsu somma flus magħrufa bħala “jizya”.
L-istqarrija tal-Istat Iżlamiku tgħid li “jekk persuni jirrifjutaw li jħallsu din is-somma, allura ma ħaqqhom xejn ħlief ix-xabla”.