“Jew nibnu kullimkien… jew nibnu fl-għoli” – Il-Ministru Falzon

Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon stqarr li s-soluzzjonijiet għall-housing kienu tnejn: “jew nibnu kullimkien u mbagħad ikun hemm min jipprotesta għal xi bebbuxu, jew nibnu fl-għoli”.

Meta kien qed jitkellem, dwar l-estimi tal-Awtorità tad-Djar, Falzon appella biex il-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali ma jsirx ballun politiku.

 Stqarr li l-problema hi li ġaladarba akkomodazzjoni soċjali tingħata lil xi familja, din tibqa’ tintiret minn persuna għal oħra anki jekk dawn ma jkollhomx problema ta’ akkomodazzjoni. Falzon qal li jispera li l-Oppożizzjoni ma taqbiżx għal xi ħadd li titteħidlu propjetà li ma jkollux jedd għaliha.

Il-Ministru saħaq li filwaqt li 80% huma sidien ta’ darhom, 70% m’għandhomx loan fuq id-dar iżda hemm 20% li qed jikru. “Minn dawn hemm 5% li qed jikru bil-liġijiet li daħlu fis-seħħ wara l-1996 u mhumiex żvantaġġjużi,” spjega.

“Illum lanqas ħadd ma joħlom li jneħħi l-VAT iżda fl-introduzzjoni tal-VAT fl-1995, il-kirjiet għolew,” kompla jgħid.