Jew jitrażżan l-infiq jew xejn! – ma jċedix il-Prim Ministru Ingliż

Il-Prim Ministru Ingliż David Cameron stqarr li mhux se jaċċetta ftehim dwar il-baġit Ewropew jekk ma jsirx aktar trażżin fl-infiq.

Mexxeja Ewropej jinsabu miġbura għal summit ta’ jumejn sabiex jipprovaw jilħqu qbil dwar il-baġit għas-seba snin li ġejjin. Il-President tal-Kummisjoni Ewropea José Manuel Barroso qal li jekk jkun hemm dewmien dwar l-approvazzjoni tal-baġit, l-Unjoni Ewropea se tkun qed twassal messaġġ negattiv ferm fi żmien ta’ kriżi finanzjarja.

Il-Kummisjoni Ewropea oriġinarjament riedet baġit massimu ta’ ftit aktar minn trilljun ewro, iżda f’Novembru li għadda dan l-ammont tnaqqas b’5% wara nuqqas ta’ qbil bejn il-pajjiżi membri.

Ir-Renju Unit u l-Ġermanja jridu tnaqqis fin-nefqa filwaqt li l-Italja u Franza jixtiequ li n-nefqa tinżamm l-istess iżda l-fondi jkunu indirizzati aktar lejn investiment biex jinħoloq ix-xogħol.