Aġġornata(3): Jasal Malta jet tal-Gvern Libjan

L-ajruplan tal-Gvern Libjan li niżel Malta lbieraħ filgħaxija u kellu abbord lill-eks Prim Ministru Libjan Ali Zeidan, ħalla l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta għal Libja fl-10.30 ta' dalgħodu.
Mhux magħruf jekk Zeidan jinsabx fuq l-istess ajruplan. 
Dalgħodu l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-eks Prim Ministru Libjan waqaf Malta għal madwar siegħa u nofs biex jimla’ l-fuel. Muscat qal li kellu kuntatt ma’ Zeidan u qed isegwi mill-qrib l-aħħar żviluppi fil-Libja.

Iktar kmieni:  Newsbook.com.mt huwa infurmat li għal ħabta tat-8pm tal-lejla reġa' niżel fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta l-ajruplan tal-Gvern Libjan.
Dan huwa l-istess ajruplan li fis-6 ta' Frar li għadda niżel Malta u abbord fuqu kien hemm ukoll il-Prim Ministru Libjan Ali Zeidan.
Huwa mifhum li l-ajruplan reġa' niżel Malta minħabba 'raġunijiet tekniċi'.
Jidher li abbord l-ajruplan kien hemm il-Prim Ministru Libjan li aktar kmieni llum tielef vot ta' fiduċja fil-Parlament.
Għal perjodu temporanju se jieħu post Zeidan il-Ministru tad-Difiża.
Id-Deputati Parlamentari ressqu dan il-vot fil-Parlament wara li r-ribelli fil-Libja qalu li tanker biż-żejt li mtela’ waqt li kien fil-kontroll tagħhom, irnexxilu jaħrab mill-armata Libjana u issa jinsab f’ibħra internazzjonali.