​Jessica se tibqa’ ħajja fl-oħrajn?

Jessica Zahra, it-tfajla ta’ 15-il sena miż-Żebbuġ Għawdex li mietet fil-jiem li għaddew għal raġunijiet li għadhom mhux magħrufa, jidher li se tibqa’ ħajja fl-oħrajn.
Persuni qrib Jessica qalu ma’ Newsbook.com.mt li Jessica tpoġġiet fuq il-magni, sakemm jitteħdulha xi organi biex jiġu trapjantati f’xi ħaddieħor. Spjegaw li l-magni ntfew ilbieraħ f’nofsinhar.
Dan ġie kkonfermat minn sorsi fil-qasam tas-saħħa, li qalu lil Newsbook.com.mt li sar trapjant bil-kornea ta’ għajnejha.
Madanakollu, għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, kelliema għall-Pulizija qalet li t-tfajla għadha fuq life supporting machine.
Fl-istess waqt, sorsi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija qalu ma’ Newsbook.com.mt, li fil-jiem li ġejjin mistennija ssir awtopsja, biex tiġi identifikata l-kawża tal-mewt.
Intant fuq il-mezzi soċjali komplew jinkitbu messaġġi ta’ mħabba u li joħorġu l-karattru ta’ Jessica.
Fost dawn hemm żewġ kummenti ta’ ħutha. Oħtha ta’ 16-il sena kitbet li m’għandhiex kliem dwar dak li ġara, li Jessica kienet l-aqwa oħt li xi ħadd jista’ jkollu, li se timmissja t-tbissima tagħha u li se tibqa’ tħobbha  għal dejjem.
Oħtha l-oħra kitbitilha li issa qiegħda f’post aħjar u li l-pjanijiet li kellhom taru mar-riħ.  Qaltilha li lkoll se jimmissjawha u li se tibqa’ f’qalbhom għal dejjem.
Persuni oħra li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li qed jinxterdu ħafna qlajjiet dwar il-mewt ta’ Jessica, u appellaw biex kulħadd juri rispett f’din is-sitwazzjoni tant sensittiva.
Jessica, it-tielet minn erba’ aħwa, kienet attiva ħafna fiż-żfin u kienet tħobb il-festa. L-aspirazzjoni tagħha kienet li tistudja għal perit.