Jesploraw modi oħra biex il-Maratona t’Għawdex tkun ikbar

Grupp ta’ żgħażagħ rappreżentanti tal-kumitat organizzattiv tal-maratona t’Għawdex attendew l-ewwel konferenza Ewropea dwar il-ġiri fi Frankfurt, fil-Ġermanja.  Dan wassal biex il-kumitat kompla jesplora modi alternattivi ta’ kif jista’ jkabbar l-edizzjoni li jmiss tal-Maratona t’Għawdex, li fl-aħħar edizzjoni tagħha rat mat-800 parteċipant.
Minbarra l-konferenza bil-għan li jinstabu mezzi kif torganizza maratona b’mod iktar effiċjenti, iż-żgħażagħ attendew ukoll sessjonijiet privati speċifikament għal dawk li jixtiequ jkabbru u jipperfezzjonaw maratoni partikolari.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm uħud mill-iktar nies prominenti fid-dinja tal-ġiri, fosthom Nick Bitel u Tad Hayano, li huma responsabbli mill-organizzazzjoni tal-maratoni ta’ Londra u ta’ Tokjo rispettivament.
Iktar kmieni din is-sena, il-Maratona t’Għawdex ingħatat l-unur ta’ tliet stilel mill-Għaqda tal-Atleti Ewropej.