Jesplora żoni tal-baħar bejn Malta u l-Libja għall-ewwel darba

Apparat li jinżel taħt il-baħar u jixbaħ lil torpedo, imsejjaħ glider, qed jintuża għal riċerka dwar l-oċeanografija fiżika ta’ żoni bejn Malta u l-Libja, li qatt ma ġew esplorati qabel.
Il-gliders jistgħu jgħoddsu repetutament sa fond ta’ 1000m, u jitmexxew fuq rotot permezz ta’ remote control imħaddma minn stazzjon fuq l-art. Dawn jistgħu jintużaw biex tinġabar data dwar l-istat ta’ saħħa tal-baħar, anke fil-maltemp. 
Il-glider jikkomunika ma’ stazzjon fuq l-art permezz ta’ links satellitari kull darba li jitla’ fil-wiċċ, jibgħat id-data miġbura u jirċievi struzzjonijiet għall-għaddsa li jkun imiss.
L-inizjattiva appoġġ tal-Kummisssjoni Ewropea hi mmexxija mill-Grupp ta’ Riċerka dwar l-Oċeanografija Fiżika tal-Università ta’ Malta (Physical Oceanography Research Group – PO-Res. Grp) b’kollaborazzjoni ma’ CNRS-INSU (Centre National de la Recherche Scientifique – Institut National des Sciences de l’Univers).  Dan il-proġett huwa kkoordinat, mill-Prof. Aldo Drago (aldo.drago@um.edu.mt).
Il-glider tal-baħar tqiegħed viċin Malta xahrejn ilu.  Minn dakinhar qasam bejn il-Gżejjer Maltin u l-pjattaforma tan-nofsinhar tal-Mediterran.  Din iż-żona tal-baħar Mediterran mhux esplorata sew u d-data idrografika f’dan ir-reġjun hija skarsa ħafna.
Il-proġett jipprovdi data ġdida, se jgħin biex ix-xjentisti jifhmu l-fenomeni dinamiċi osservati fil-medda ta’ baħar bejn Malta u l-Libja.  Aktar minn hekk, id-data miġbura ser tintuża biex tikkonferma mudelli oċeanografiċi ta’ din iż-żona.
Il-Forzi Armati ta’ Malta għenu matul il-missjoni kollha tal-GLIDER South permezz ta’ dgħajjes u ekwipaġġ. 
Ser jsir seminar ta’ nofstanhar fis-7 ta’ Lulju 2017, fid-08:45, fid-Dolmen Resort Hotel, il-Qawra, li se  jippreżenta l-esperjenza bi glider tal-baħar f’Malta lil kull min hu interessat.
Għal aktar informazzjoni żuru:http://ioi.research.um.edu.mt/GliderSouth/index.php/welcome/index