Jesmond Mizzi Financial Advisors turi solidarjetà fi żmien il-Milied

solidarjeta

Hekk kif qrobna lejn l-aħħar tas-sena li rriżultat bħala waħda mill-aktar ta’ sfida fl-istorja ta’ ħajjitna, Jesmond Mizzi Financial Advisors Limited (JMFA) temmet is-sena fuq nota pożittiva billi ppreżentat donazzjonijiet magħmula mill-Kumpanija u mill-membri tal-persunal tagħha. L-entitajiet li bbenefikaw minn dawn id-donazzjonijiet, li nġabru permezz ta’ inizjattivi differenti, jinkludu l-YMCA, Hospice Malta, Children’s Dreams, Inspire, il-Community Chest Fund u d-Dar tal-Providenza.

L-idea li jsiru donazzjonijiet fuq bażi regolari matul is-sena kollha nbdiet minn donazzjoni magħmula minn JMFA bħala entità korporattiva, permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fil-Kampanja YMCA 365, fil-bidu tal-2020. Il-YMCA kienu qed ifittxu l-appoġġ minn kumpaniji, familji u individwi biex jiġbru €365, jiġifieri Ewro kuljum, biex jgħinhom ikomplu jipprovdu s-servizzi lil dawk bla dar u liż-żgħażagħ. Din l-inizjattiva mbagħad ġiet estiża għall-impjegati ta’ JMFA, li kienu mħeġġa jikkontribwixxu fuq bażi regolari lejn din il-kawża tajba ħafna. Is-Sur Jesmond Mizzi, direttur maniġerjali ta’ Jesmond Mizzi Financial Advisors qal ‘Aħna nagħmlu ħilitna biex ngħinu lin-nies jibnu l-finanzi tagħhom billi jfaddlu regolarment għall-futur u dan huwa eżempju ta’ kif wieħed jista’ jikkontribwixxi lejn assistenza soċjali mtejba.’

Fi żmien il-Milied, il-persunal ta’ JMFA ġeneralment jorganizzaw ‘Secret Santa’ fejn l-impjegati jiskambjaw rigali waqt il-festin tal-Milied. Minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid-19 u l-miżuri kollha ta’ sikurezza li kellhom jittieħdu, il-persunal iddeċieda li jieħu approċċ differenti għas-‘Secret Santa’ ta’ din is-sena. JMFA ngħaqdet mal-kampanja Children’s Dreams, proġett bl-unika missjoni li x-xewqat tal-Milied isiru realtà għat-tfal identifikati mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Assistenza Soċjali. Barra minn hekk, saret donazzjoni lil Inspire għax-xiri ta’ tagħmir, bħala riżorsi, biex jgħinu lit-terapisti okkupazzjonali jkollhom l-għodda meħtieġa biex il-programmi ta’ taħriġ tagħhom ikunu effettivi kemm jista’ jkun.

Hospice Malta, il-Community Chest Fund u id-Dar tal-Providenza dejjem kienu fil-lista tal-benefiċjarji għall-JMFA. Minħabba d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom fil-ġbir ta’ fondi permezz tal-attivitajiet tas-soltu bħal maratoni u walkathons, minħabba l-pandemija, kien biss naturali li nuru solidarjetà ma’ dawn l-entitajiet u ngħinu biex inpattu għan-nuqqas ta’ fondi tagħhom.

L-organizzazzjonijiet kollha esprimew il-grazzi mill-qalb u l-gratitudni tagħhom għall-appoġġ finanzjarju mogħti minn JMFA, speċjalment matul dawn iż-żminijiet diffiċli, fejn kull ftit jgħodd. Dawn id-donazzjonijiet żgur li se jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.

Jesmond Mizzi kkonkluda billi qal li ‘Aħna se nkomplu nikkontribwixxu lejn il-Filantropija li hija waħda mill-pilastri prinċipali tal-programm ta’ Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tagħna, li fih dejjem konna attivi ħafna. Immexxija mill-valuri korporattivi tagħna, aħna kuntenti li stajna niddiversifikaw aktar din is-sena u nagħtu donazzjonijiet lil diversi organizzazzjonijiet u karitajiet biex insaħħu l-benesseri tal-komunità tagħna’.

Jesmond Mizzi Financial Advisors Limited (JMFA) (IS30176) li tinsab f’67/3, Triq Nofsinhar, il-Belt Valletta, VLT 1105 hija liċenzjata biex toffri s-servizzi ta’ investiment f’termini tal-Att dwar Servizzi ta’ Investiment mill-MFSA ta’ Mdina Road, Zone 1, Central Business District, Birkirkara CBD 1010 u hija kumpanija membru tal-Borża ta’ Malta.