Jesmond Mizzi Financial Advisors tniedi l-Merill Total Return Income Fund

Il-Merill SICAV plc nediet l-ewwel sub-fund tagħha – il-Merill Total Return Income Fund – bħala pjattaforma ta’ investiment immirata kemm għall-investituri individwali kif ukoll dawk istituzzjonali.
Il-Merill Total Return Income Fund se jkollu kapital inizjali ta’ 15-il miljun Ewro.
Il-Merill SICAV plc hija liċenzjata bħala open-ended collective investment scheme, reġistrata f’Malta, u tikkwalifika bħala UCITS Malti skont id-direttiva UCITS.
Filwaqt li l-Fond huwa self-managed, it-tħaddim tal-investiment tas-Sub Fund qed jiġi delegat lil Jesmond Mizzi Financial Advisors Limited, li se jkunu qed jaġixxu wkoll bħala promoturi u distributuri tal-Fond.
Il-Fond jindirizza l-objettivi ta’ investiment fit-tul permezz tad-diversifikazzjoni tal-assi u jipprovdi dħul regolari, billi jinvesti primarjament f’bonds ta’ kwalità tajba, bonds lokali, ishma u investimenti oħra. Sa 15 fil-mija tal-assi tal-Fond jistgħu jiġu investiti f’bonds lokali li normalment ma jkunux ikklassifikati imma li jkollhom prestazzjoni tajba.
Il-Fond jista’ jinvesti wkoll sa 35 fil-mija tal-assi tal-Fond f’titoli u strumenti tas-suq monetarju li huma maħruġa jew iggarantiti minn kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, jew minn korpi internazzjonali pubbliċi li jappartjeni għalihom Stat Membru wieħed jew iżjed.
Il-Fond se jinvesti direttament f’ishma lokali u internazzjonali li għandhom il-potenzjal li jsaħħu l-prestazzjoni tal-Fond.
Il-Fond se jħallas dħul kull tlett xhur u jipprovdi opportunità li investituri jinvestu parti mill-kapital tagħhom kemm bħala somma sħiħa jew bħala pjan ta’ tfaddil fix-xahar.