Jesmond Mizzi Financial Advisors tisponsorja l-Kamra tal-Inġiniera

Read in English.

Jesmond Mizzi Financial Advisors Limited (JMFA) daħlet fi ftehim ta’ sponsorship mal-Kamra tal-Inġiniera u ħadet sehem fis-27 Konferenza Annwali tal-Inġinerija, bit-tema ‘L-Inġiniera Jagħmlu Differenza fi Żminijiet ta’ Sfida’, li saret fl-14 ta’ Novembru 2020.

Il-Kamra tal-Inġiniera twaqqfet fit-28 ta’ April 1978 u toffri opportunitajiet uniċi lill-membri tagħha, permezz tal-approċċ dinamiku u l-inizjattivi kontinwi tagħha. Il-Kamra tfittex li tkun il-vuċi tal-Inġiniera u wkoll li ttejjeb il-kooperazzjoni bejn l-Inġiniera u korpi professjonali oħra, għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha kemm hi.

Matul il-konferenza, is-Sur Jesmond Mizzi, Direttur Maniġerjali ta’ JMFA ta preżentazzjoni dwar l-‘Investiment Sostenibbli’. Huwa enfasizza l-importanza dejjem tikber tal-kriterji Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (kriterji ESG) u l-isforz globali, partikolarment mill-ġenerazzjoni żagħżugħa, lejn investiment responsabbli. L-aspett tal-integrazzjoni tal-ESG sar kruċjali għas-sopravivenza, anke fid-dinja tal-investiment. Kumpaniji lokali qed isiru dejjem aktar konxji ta’ dan u daħlu fis-suq tal-bonds b’investimenti li jirrispettaw l-ambjent. Fuq livell internazzjonali miljuni ta’ flus sejrin f’fondi diversifikati li għandhom tema ta’ sostenibbiltà. Is-Sur Mizzi żied li l-prestazzjoni ta’ ħafna minn dawn il-fondi qabżet lil dik ta’ dawk li m’għandhomx tema dwar is-sostenibbiltà.

Il-Kamra tal-Inġiniera rringrazzjat lis-Sur Mizzi għall-kontribut siewi matul il-konferenza u għall-appoġġ finanzjarju biex tkun tista’ tkompli tipprovdi servizzi edukattivi, soċjali u ta’ konsulenza lill-membri tagħha u lill-komunità tal-inġinerija. Dan se jgħin ukoll lill-Kamra tal-Inġiniera biex tipparteċipa b’mod attiv fi gruppi ta’ diskussjoni lokali u internazzjonali. Dr Inġ. Daniel Micallef, il-president tal-Kamra tal-Inġiniera qal li ‘Il-Kamra hija onorata li JMFA qed tappoġġja l-inizjattivi tagħna biex nimpenjaw ruħna mal-professjonisti u mal-pubbliku ġenerali. Ir-rwol tal-Kamra tal-Inġiniera bħala l-organizzazzjoni rappreżentattiva tal-professjoni kompla jissaħħaħ.’

Jesmond Mizzi qal ‘Għandna pjaċir li qed inkunu assoċjati mal-Kamra tal-Inġiniera li tirrappreżenta professjoni rispettata ħafna u importanti ħafna, li tipprovdi soluzzjonijiet għal prattikament is-setturi u l-industriji kollha. JMFA qed tħares ’il quddiem biex tkompli l-kollaborazzjoni tagħha mal-Kamra tal-Inġiniera biex tgħinha tikber u taħdem lejn ekonomija sostenibbli, ukoll billi tipprovdi pariri personali, ġestjoni tal-ġid u servizzi korporattivi lill-membri tagħha.’

Jesmond Mizzi Financial Advisors Limited (JMFA) (IS30176) li tinsab f’67/3, Triq Nofsinhar, il-Belt Valletta, VLT 1105 hija liċenzjata biex toffri s-servizzi ta’ investiment f’termini tal-Att dwar Servizzi ta’ Investiment mill-MFSA ta’ Mdina Road, Zone 1, Central Business District, Birkirkara CBD 1010 u hija kumpanija membru tal-Borża ta’ Malta.