Jesmond Mizzi Financial Advisors tiċċelebra l-ewwel anniversarju tal-Merill Strategic Balanced Fund (MSBF)

Read in English.

Jesmond Mizzi Financial Advisors Ltd (JMFA), il-maniġer ta’ investiment ta’ Merill Funds, reċentement iċċelebrat l-ewwel anniversarju mit-tnedija tal-Merill Strategic Balanced Fund Klassi ta’ Ishma USD ‘Accumulator’ (MSBF).

Is-sottofond li huwa ddenominat fid-dollaru Amerikan tnieda fl-14 ta’ Ottubru 2019 u għandu l-għan li jinvesti b’mod predominanti f’assi fl-Istati Uniti, mingħajr ma jillimita l-iskopertura tiegħu għal dan ir-reġjun ġeografiku biss. Kif karatterizzat minn sottofondi oħra tal-firxa Merill, l-objettiv ta’ dan is-sottofond huwa li jkollu portafoll diversifikat ta’ investimenti kif wkoll li jikseb tkabbir fit-tul. Il-biċċa l-kbira tal-investimenti tas-sottofond huma ddenominati fid-dollaru, imma l-maniġer ta’ investiment jista’ jipparteċipa u jibbenefika minn opportunitajiet ta’ investiment f’muniti oħra, filwaqt li jieħu l-miżuri meħtieġa biex jimmitiga r-riskju tas-sottofond.

Il-MSBF huwa fond b’ħafna assi li jinvesti f’bonds sovrani, f’bonds bi grad ta’ investiment, f’bonds b’rendiment għoli u anke f’ishma. L-approċċ ta’ investiment adottat huwa wieħed sistematiku ħafna li għandu l-għan li jiġġenera redditi aħjar aġġustati għar-riskju. Il-maniġers tal-portafoll għandhom l-għan li jiksbu dan billi japplikaw approċċ ta’ allokazzjoni dinamika. L-analiżi fundamentali flimkien mal-analiżi teknika u tas-sentiment tas-suq hija applikata b’mod sistematiku biex jittieħdu deċiżjonijiet ta’ xiri jew ta’ bejgħ ta’ assi finanzjarji billi jsir tbassir tal-movimenti futuri tal-prezzijiet tas-suq. Dan huwa kkombinat ma’ diversi tekniki ta’ ottimizzazzjoni fil-bini tal-portafoll.

Il-Merill Strategic Balanced Fund USD li hija klassi ta’ ishma ‘Accumulator’ tnediet b’kapital inizjali ta’ għaxar miljun dollaru Amerikan ($10m). F’din l-aħħar sena, is-sottofond esperjenza tkabbir robust fl-assi mħaddma, kemm b’riżultat tal-prestazzjoni pożittiva kif ukoll minħabba domanda b’saħħitha mill-investituri. Dan is-sottofond issa qabeż id-disgħa u għoxrin miljun dollaru Amerikan ($29.1) jew ħamsa u għoxrin miljun euro (€25m), fl-14 ta’ Ottubru 2020. Matul il-perjodu, is-sottofond iġġenera redditi aġġustati għar-riskju aħjar meta mqabbel mal-pari tiegħu, u wassal għal redditi pożittivi b’kuntrast għall-medja tal-grupp ta’ pari tiegħu, u kiseb ukoll klassifikazzjoni fl-ewwel kwartil fuq bażi ta’ sena s’issa.

Biex jitfakkar l-ewwel anniversarju ta’ dan is-suċċess, ġie organizzat webinar fuq BrightTALK mit-tim tal-immaniġġjar tal-assi ta’ JMFA. Dr. Mark Azzopardi, sieħeb fil-kumpanija u maniġer tal-portafolji u s-Sur Marc El-lazidi, CIO u maniġer tal-portafolji, taw ħarsa ġenerali u tagħrif dwar il-MSBF, l-istrateġija tiegħu, il-prestazzjoni fl-ewwel sena tiegħu, l-allokazzjoni tal-investimenti tiegħu matul is-sena li għaddiet, u anke l-fehmiet u l-prospettiva tagħhom għall-ġejjieni. Is-Sur Jacques Ellul Soler, General Manager ta’ JMFA kien il-moderatur. Il-webinar jista’ jiġi segwit fuq https://www.brighttalk.com/webcast/18508/450511

Jesmond Mizzi, direttur maniġerjali ta’ JMFA qal ‘Aħna kuntenti ħafna li ksibna dan is-suċċess f’sena waħda biss mit-tnedija tal-MSBF. L-għan tagħna dejjem kien li noffru valur miżjud kemm lill-klijenti individwali kif ukoll istituzzjonali billi niżviluppaw prodotti ġodda, niddiversifikaw il-firxa tal-prodotti tagħna u nestendu l-offerta tal-prodott tagħna wkoll internazzjonalment. Il-MSBF jattira suq niċċa speċjalizzat u wera li huwa l-aktar popolari ma’ investituri barranin u family offices li qed ifittxu li jinvestu u jakkumulaw il-ġid tagħhom f’sottofond li jifforma parti minn skema b’isem ta’ reputazzjoni.’

Merill SICAV plc hija inkorporata u liċenzjata bħala Skema ta’ Investiment Kollettiv miftuħa, irreġistrata f’Malta, li tikkwalifika bħala UCITS Maltija f’termini tad-Direttiva tal-UCITS b’effett mis-16 ta’ Ottubru 2015. Il-valur tal-investiment u d-dħul mhumiex garantiti u jistgħu jinżlu kif ukoll jitilgħu. L-investimenti għandhom ikunu bbażati fuq id-dettalji li jinsabu fil-Prospett u fid-Dokumenti tat-Tagħrif Ewlieni għall-Investitur (KIIDs), li jistgħu jinkisbu bl-Ingliż u mingħajr ħlas mingħand Jesmond Mizzi Financial Advisors Limited (JMFA) ta’ 67, Level 3, Triq Nofsinhar, il-Belt Valletta, VLT1105, Malta, liċenzjata biex toffri s-servizzi ta’ investiment taħt l-Att dwar Servizzi ta’ Investiment. JMFA u Merill SICAV plc huma regolati mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta ta’ Mdina Road, Zone 1, Central Business District, Birkirkara CBD 1010.