Jesmond Mizzi Financial Advisors Limited isaħħu l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus

Il-kumpannija Jesmond Mizzi Financial Advisors Limited dan l-aħħar ħatret lil Alexandra Scicluna bħala Money Laundering Reporting Officer (MLRO) tal-kumpanija. Ir-rwol primarju tagħha huwa li tiżgura li l-Kumpanija tkun konformi mar-regolamenti u li l-ħaddiema jkunu familjari mal-proċeduri ta’ Know Your Customer (KYC) (Kun af lill-klijent tiegħek) u aġġornat dwar ir-regolamenti kontra l-ħasil tal-flus. Id-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija, Jesmond Mizzi qal li, ‘Aħna nkomplu ninvestu f’ħaddiema bl-esperjenza u teknikament imħarrġa biex niżguraw konformità adegwata mar-regolamenti, sabiex nibnu fuq l-operat tan-negozju tagħna u nżommu r-reputazzjoni tajba tal-Kumpanija.’

Alexandra Scicluna ilha taħdem fil-qasam kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT) sa mill-2014. Hija ħadmet ukoll mal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) bħala Uffiċjal għall-Konformità fejn ir-rwol prinċipali tagħha kien dak li twettaq analiżijiet u verifiki relatati mal-AML/CFT fuq il-post u mhux fuq il-post, li minnhom hija kisbet fehim profond tal-leġiżlazzjoni tal-AML/CFT.

Alexandra Scicluna hija llawrjata bil-grad ta’ Bachelor of Commerce in Management and Public Policy mill-Università ta’ Malta u kisbet ukoll Diploma Internazzjonali mill-International Compliance Association (ICA) fil-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus.