Jesiġu tmexxija aktar nadifa u trasparenti

Ir-rapport tal-Platform of Human Rights Organisations in Malta (PHROM) għall-2015 jesiġi tmexxija u amministrazzjoni pubblika aktar ‘nadifa’ u trasparenti.  
F’rapport dettaljat, il-PHROM stiednet lil Malta biex tilqa’ l-isfida u titlob rispett, protezzjoni u promozzjoni għad-drittijiet kollha marbuta mal-wirt naturali kif ukoll dawk dwar ambjent san u nadif.
Semmiet kif is-sena li għaddiet, il-Front Ħarsien ODZ, sejjaħ għal Malta aktar sostenibbli, u biex l-ambjent ikun parti mill-qafas tad-drittijiet tal-bniedem.
Ir-rapport jgħid li għadd ta’ ħaddiema u għaqdiet fi ħdan il-PHROM kienu ta’ spiss fil-mira ta’ lingwaġġ vulgari, vjolenti, insulenti u ta’ theddid.
Il-PHROM, li tiġbor fiha mat-30 għaqda, qalet li l-aktar żvilupp li ta spinta lid-drittijiet tal-bniedem fl-2015 kien l-addozzjoni tal-Att dwar l-Identità tal-Ġeneru.
Fi stqarrija, il-PHROM tgħid li r-rapport jagħti ħarsa estensiva dwar l-iżviluppi u n-nuqqasijiet f’dan il-qasam, minn diversi perspettivi tal-għaqdiet membri tagħha.
Tista’ taqra r-rapport kollu hawn.