Jersaq lejn it-tmiem, il-kampjonat ASMK tat-Trials u l-Autocross

Fi tmiem din il-ġimgħa, jintemm il-kampjonat ASMK Pasta Poiatti 2067/2017 bl-aħħar attivitajiet mis-sezzjoni tal-muturi Trials u tal-Autocross.
Il-kompetizzjoni tat-Trials se ssir fil-barriera tal-Magħlaq fil-limiti tas-Siġġiewi, waqt li t-tlielaq tal-Autocross se jsiru fit-trekk ta’ Ta’Qali.
Intant, is-Sibt li għadda ġiet organizzata l-ħdax-il attivita bil-karozzi Autocross fejn 22 kompetitur kienu maqsuma  f’żewġ klassijiet; Modified u Standard.
Wara li ħadd mis-sewwieqa ma rnexxielu jirbaħ il-heats kollha tal-ġurnata, Terence Azzopardi fuq Opel Corsa ġab l-ogħla punteġġ biex assigura postu fil-finali ta’ Klassi A Modified.
Miegħu ikkwalifikaw Melo Zammit fuq Opel Corsa, Karl Micallef fuq Ford Fiesta, Jurgen Mallia fuq Honda Civic, Philip Joe Vella fuq Opel Corsa u Jean Paul Grech fuq Peugeot 106.
Ir-riżultat finali spiċċa b’Karl Micallef rebbieħ, segwit minn Jean Paul Grech u Melo Zammit.
Fil-finali Modified Klassi B, ħadu sehem Brandon Lee Vassallo fuq Peugoet 205, Gordon Johnson fuq Opel Corsa, Noel Zammit fuq Fiat Punto, Ġużi Pace fuq Ford Escort, Jonathan Vella fuq Ford Fiesta u Andrew Pisani fuq Vauxhall Nova.
Dan tal-aħħar spiċċa rebbieħ segwit minn Noel Zammit u Ġużi Pace.
Il-finali tas-sezzjoni Autocross Standard, kienet kontestata minn Kyle Agius fuq Renualt, Jerome Peplow fuq Kia Avella, Nicovich Chircop u Quinn Camilleri fuq Peugeot 106, Josef Abela fuq Opel Nova u Deane Farrugia fuq Citroen AX.
Ir-rizultat finali spiċċa b’Josef Abela fl-ewwel post segwit minn Jerome Peplow fit-tieni post u Quinn Camilleri fit-tielet.

Ritratt: Mario Micallef