Jerħu minn idejhom biex joperaw pazjent li tah attakk tal-qalb

Waqt attività għall-pubbliku fl-Isptar Mater Dei dwar il-kardjoloġija, it-tobba kellhom jitilqu kollox minn idejhom sabiex joperaw raġel li tah attakk tal-qalb.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei, Ivan Falzon, tkellem ma’ Newsbook.com.mt u spjega li waqt l-Open Day tal-kardjoloġija daħlet telefonata urġenti minn Għawdex. Dan wara li raġel tah attakk tal-qalb. Hu ġie trasferit mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex għal Malta permezz ta’ ħelikopter.

Fil-pront, it-tobba li kienu qed jiffurmaw parti mill-attivitajiet tal-Open Day, telqu kollox minn idejhom u marru joperaw lir-raġel. Falzon sostna li din hija xi ħaġa li t-tobba jagħmlu ta’ kuljum.