Jerġgħu jisħqu li ż-Żonqor m’għandux jinbena

Numru ta’ għaqdiet ambjentali ngħaqdu flimkien biex jopponu l-bini tal-kampus tal-Università Amerikana f’Malta f’Żonqor Point.
Fi stqarrija, Flimkien Għal Ambjent Aħjar, l-Assoċjazzjoni tar-Ramblers f’Malta, Front Ħarsien ODZ, Friends of the Earth Malta u Nature Trust Malta, innutaw “l-istqarrija prudenti” tal-Prim Ministru dwar il-fatt li l-Universita' Amerikana ta' Malta mhux sejra tkun qegħda tibda l-bini tal-kampus taż-Żonqor sakemm il-kampus ta' Bormla ikun qiegħed jopera b'kapaċità sħiħa.
Huma jinsabu inkwetati li minħabba li Sadeen Investments hija kumpanija private, xorta waħda tista’ tipproċedi bil-pjanijiet li huma diġa għandhom.
L-għaqdiet ambjentali huma iddiżappuntati li l-Prim Ministru ma kkommettiex ruħu li jħalli is-sit fiż-Żonqor fl-istat naturali tiegħu u li sa dan it-tant il-pjanijiet tal-kampus taż-Żonqor qegħdin jiġu proċessati mill-Awtorita' tal-Ippjanar.
Saħqu li jinsabu kommessi li jkomplu jopponu dan il-proġett fil-proċess tal-ippjanar.
Ritratt: Arkivji