Jerġgħu jinżlu jipprotestaw tal-ġkieket sofor; arrestati 150 persuna

Read in English.

Fi Franza aktar minn 150 persuna ġew arrestati mill-pulizija waqt protesta li kien organizzata mid-demostranti tal-ġkieket is-sofor. Din kienet l-ewwel protesta tagħhom minn Marzu li għadda wara li l-coronavirus infirex fi Franza.

L-aħħar protesta li saret minn dawn id-demostranti kienet fl-14 ta’ Marzu, tlitt ijiem biss qabel mal-Gvern Franċiż ħabbar lockdown.

Il-pulizija f’Pariġi ma ħallewx id-demostranti jinfirxu viċin Champs Elysees wara li l-monument famuż Arc de Triomphe ġie mħassar fil-protesti tal-istess grupp fix-xhur li għaddew.

Il-pulizija qalet li ġew ikkonfiskati mrtietel, turnaviti, maskri u fliexken vojta.

Matul l-aħħar 24 siegħa n-numru ta’ każijiet pożittivi fi Franza żied b’aktar minn 9,000 persuna.