Jerġgħu jibdew it-testijiet tal-vaċċin għall-Covid-19 fl-Istati Uniti

Pexels

Read in English.

L-aħħar fażi ta’ ttestjar ta’ vaċċin għall-Covid-19 bdiet mill-ġdid fl-Istati Uniti.

L-ittestjar ta’ AstraZeneca kien waqaf fil-bidu ta’ Settembru, filwaqt li dak tal-kumpanija Johnson & Johnson waqaf il-ġimgħa li għaddiet. Fiż-żewġ każijiet l-ittestjar waqaf wara li marad parteċipant.

Dawn iż-żewġ vaċċini huma biss tnejn minn ħafna kandidati li jinsabu fl-aħħar stadju qabel ma jiġu approvati u regolati.

Il-ġurnal Ingliż The Guardian jirrapporta li waqfiet bħal dawn meta tkun qed tiġi ttestjata xi droga jew xi vaċċin huma pjuttost komuni. Jgħid ukoll li f’riċerka li tinvolvi eluf ta’ nies, hemm ċans kbir li wħud jimirdu. Billi jwaqqfu l-istudju, ir-riċerkaturi jkollhom ċans jinvestigaw jekk il-marda tkunx kumbinazzjoni jew tkunx ġejja mid-droga jew vaċċin.

It-tkomplija tal-ittestjar tal-vaċċin ta’ AstraZeneca diġà bdiet fir-Renju Unit, fil-Brażil, fl-Afrika t’Isfel u fil-Ġappun.