Jerġa’ jitneħħa l-mafkar ta’ Daphne Caruana Galizia

Read in English.

Skont sors li tkellem ma’ Newsbook.com.mt tul il-lejl li għadda xi ħaddiema tal-gvern intbagħtu jnaddfu l-pjazza ta’ quddiem il-Qrati Maltin. Il-persuna li tkellmet ma’ Newsbook.com.mt qalet li l-ħaddiema naddfu wkoll il-mafkar ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-persuna kkonfrontat lill-ħaddiema biex tara x’kien qed isir u skont is-sors, l-istess ħaddiema ġiebu ruħhom magħha b’mod agressiv filwaqt li qalulha li dan kien xogħolhom u li jekk jidrilha xi ħaġa għandha titkellem mas-superjuri tagħhom. Huma dehru li ma ħadux gost li l-persuna ġibdet ritratt tas-sitwazzjoni.

Newsbook.com.mt bagħat il-mistoqsijiet tiegħu dwar dan lill-Cleansing and Maintenance Division u lill-Uffiċju tal-Komunikazzjoni tas-Segretarju Parlamentari għat-Tindif Pubbliku Deo Debattista.

Kien hemm bosta drabi oħra fejn il-mafkar magħmul mill-attivisti biex iżżomm ħajja l-memorja tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia. Fost dawn kien hemm il-każ li jmur lura f’Settembru tal-2018, fejn apparti li tneħħa kollox, tpoġġew ukoll xi barriers mill-pulizija madwar il-monument.

AQRA: Jikinsu l-mafkar ta’ Daphne; jagħlqu l-aċċess

Fl-istess xahar wieħed mir-ritratti tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kien intrema f’kontenitur tal-iskart fil-Belt Valletta, liema ritratt reġa’ tpoġġa fuq il-monument tal-assedju mill-Membru Parlamentari Nazzjonalista Simon Busuttil.

AQRA: Ritratt ta’ Daphne mormi fiż-żibel – Busuttil

Aktar kmieni fis-sena wara ċ-ċelebrazzjonijiet tall-Vitorja, il-Monument tal-Assedju l-Kbir tgħatta bl-injam. Dan seħħ biss ftit sigħat wara li l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca poġġiet il-fjuri fuq il-monument.

AQRA: Il-monument tal-Assedju taħt assedju

F’Novembru tal-istess sena l-Monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta ġie mdawwar bi grada tal-ħadid bi drapp isfar li għalaq il-madwar. Kmieni filgħodu tpoġġiet grada tal-ħadid mal-madwar u għalhekk ħadd ma seta’ jersaq lejn l-injam. Kien hemm ukoll xi kantuni.

AQRA: Ħadid u drapp jagħlqu l-pjazzetta tal-monument tal-Assedju