Jerġa’ jispiċċa arrestat għax ma jistax joqgħod mingħajr l-eks-sieħba tiegħu

Raġel ta’ 50 sena qed jinżamm arrestat wara li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest għax ma jistax joqgħod mingħajr l-eks-sieħba tiegħu.
Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel Portugiż kien ilu 16-il sena f’relazzjoni ma’ mara mill-Fgura u ma jistax iniżżilha li r-relazzjoni tagħhom spiċċat.
Ir-raġel tressaq il-qorti li ta’ fastidju, hedded, insulenta u daħal fir-residenza tal-eks-sieħba tiegħu minkejja l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel saħansitra xxabbat ma’ gallariji u ma shafts biex jilħaq lill-mara.
L-avukat tal-akkużat talab il-ħelsien mill-arrest għax fi kliemu, minkejja li r-raġel fittex lill-eks-sieħba tiegħu diversi drabi, l-imġieba tiegħu mhux ta’ theddida għaliha.
Minkejja dan l-Ispettur tal-Pulizija qal li r-raġel diġà kiser il-kundizzjonijet tal-ħelsien mill-arrest. Fost dawn semma kif darba, malli nħeles mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, sa siegħa wara kien diġà quddiem id-dar tal-eks-sieħba tiegħu.
Għalhekk il-Qorti ma aċċettatx it-talba għall-ħelsien mill-arrest.