Jerġa’ jinqabad isuq Liam Debono; ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest

Read in English.

Iż-żagħżugħ li kien tajjar lill-Pulizija tat-traffiku Simon Schembri u ħallieh għal xi jiem jissielet għal ħajtu s-sena l-oħra reġa’ spiċċa l-Qorti llum akkużat li reġa’ kien qed isuq karozza mingħajr liċenzja u assigurazzjoni. B’dan l-aġir huwa kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu fil-każ ta’ Schembri fejn il-ħelsien mill-arrest tiegħu kien jammonta għal €50,000.

Liam Debono li issa għandu 18-il sena tressaq quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud wara li ġie arrestat meta allegatament reġa’ nqabad isuq karozza f’Ħal Luqa lbieraħ għall-ħabta tas-5.45pm.

Debono kien ingħata l-ħelsien mill-arrest mill-każ fejn qed jiġi akkużat b’attentat qtil ta’ Pulizija f’Settembru li għadda fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €40,000. Minbarra akkużi ta’ attentat qtil, hu għandu wkoll 46 akkuża oħra wara li kien kaxkar lil Schembri għal numru ta’ metri bil-karozza li kien qed isuq f’Mejju tal-2018. Kawża ta’ dan l-inċident, Schembri tilef idu l-leminija.

Aqra: Arrestat Liam Debono; jaqbduh isuq karozza

L-Ispettur Fabian Fleri u surġent tal-Pulizija qalu fil-Qorti kif ilbieraħ uffiċjal tas-CID innota li l-akkużat kien qed isuq karozza tal-għamla Fiat Uno viċin Ħal Luqa. Hu talab l-assistenza tal-Pulizija oħrajn. Malli l-akkużat sema s-sireni u ra l-karozzi tal-Pulizija daħal fi triq u mexa fis-siġġu tal-passiġġier. Intqal ukoll li raġel ieħor deher miexi tiela’ fin-naħa tax-xufier tal-karozza.

Ġie spjegat li Debono pprotesta għal dak li qal il-Pulizija u sostna li kien għadu kemm iffirma l-ktieb tal-ħelsien mill-arrest. Għaldaqstant, il-Pulizija kellu ritratt tal-akkużat wara l-isteering. Ir-raġel l-ieħor li kien qed jitla’ fin-naħa tal-passiġġier aktar tard qal lill-Pulizija li Debono kien qed isuq.

L-ispettur Fleri qal li xi ġimgħat ilu, il-Pulizija kienu ġew infurmati li ż-żagħżugħ kien qed isuq żewġ karozza, waħda Toyota u oħra BMW li kienu ta’ żewġ tfajliet, ulied ir-raġel li nqabad dieħel fi-naħa tax-xufier tal-karozza.

Meta ġie mitkellem mill-Pulizija, Debono, mingħajr l-assistenza ta’ avukat qal li kien qed isuq karozzi biss f’toroq privati. Intant, missier l-akkużat kien qal li ibnu mhux dejjem kien qed jorqod id-dar, iżda ġieli kien jorqod fid-dar tar-raġel l-ieħor.

Minkejja li l-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, il-ħelsien mill-arrest ma ġiex mitlub u għaldaqstant baqa’ jinżamm arrestat.

Il-każ se jkompli jinstema’ fid-29 ta’ Mejju għall-konklużjoni tal-evidenza.