Read in English.
L-Enemalta plc qalet li f’madwar 30 minutra rnexxielha treġġa’ lura d-dawl fil-lokalitajiet kollha li fihom inqatgħet il-provvista aktar kmieni llum wara nofsinhar.
Fi stqarrija, il-kumpanija qalet li f’12.11pm kien hemm ħsara fl-impjant tal-gass fil-power station ta’ Delimara li wasslet għall-qtugħ fil-provvista tal-gass. Qalet li kaġun t’hekk skattat sistema ta’ protezzjoni awtomatika li nterrompiet il-provvista tal-eletriku f’żoni mferrxa madwar il-pajjiż.
L-Enemalta spjegat li l-qtugħ wassal biex minn minn telf totali ta’ 157MW fil-kapaċità li dak il-ħin kienet qed tkun iġġenerata minn impjanti li jaħdmu bil-gass, minħabba provvista ta’ emerġenza, kienu 79MVW ta’ load li ġew maqtugħa, jiġifieri 20% tad-domanda.
Qalet li fi żmien 15-il minuta, ċioe’ f’12.26pm, bdiet ġejja lura l-provvista fil-partijiet affetwati minn Ħal Far u Buġibba, biex eventwalment il-lokalitajiet kollha affettwati kellhom il-provvista tagħhom lura għan-normal sas-1.04pm.
Aktar kmieni…
Jidher li hawn numru ta’ lokalitajiet madwar Malta mingħajr dawl. Skont l-Enemalta, dan wara problemi li żviluppaw fl-impjant ta’ Delimara.
Dan huwa każ ieħor minn numru ta’ każijiet ta’ qtugħ ta’ dawl li affettwaw lill-gżejjer Maltin wara li seħħet ħsara fl-interconnector bejn Malta u Sqallija.
Fuq Facebook, l-Enemalta plc informat lill-pubbliku li minħabba diffikultajiet fil-provvista tal-elettriku, kellu jsir shedding li wassal biex xi żoni madwar il-pajjiż jispiċċaw mingħajr il-provvista tal-elettriku.
Il-fornitur ewlieni tal-elettriku f’Malta qal li li fil-preżent it-tekniċi għaddejjin b’ħidma biex din il-kwistjoni tiġi solvuta fl-inqas ħin possibbli.
Uħud mil-lokalitajiet affettwati huma:
- Naxxar
- Ħamrun
- Żejtun
- Għargħur
- San Ġiljan
- Ħal Lija
- Birkirkara
- Gudja
- Fgura
- Ħ’Attard
- Mosta
- San Ġwann
- Tas-Sliema
- Rabat
- Mdina
- Ta’ Qali
- Wied il-Għajn
- Ħaż-Żabbar
- Mosta
- Swieqi
- Għasri
- Ħal Balzan
Aktar tard, l-Enemalta spjegat li l-qtugħ tal-provvista tal-elettriku żviluppat minħabba ħsarat fl-impjant tal-gass ta’ Delimara. Qalet li minn ħin għall-ieħor qed tistenna li tiġi ristabbilità l-provvista tal-gass fl-impjant ta’ Delimara.
Intant spjegat li l-provvista ġiet lura għan-normal fil-maġġoranza taż-żoni milquta, għajr għal partijiet minn Wied il-Għajn, San Ġwann, San Ġiljan, il-Mosta, il-Marsa, Marsaxlokk u l-Ħamrun.
Fl-aħħar jiem, l-Enemalta qalet li nstabet evidenza li turi li l-interconnector bejn Malta u Sqallija nqata’ b’ankra. Fuq Facebook l-Enemalta qalet li s-survey li għamel il-bastiment Polar King identifika l-punt fejn seħħet il-ħsara fil-cable tal-interconnector.
“Il-poplu qed jistenna li tittieħed azzjoni kontra s-sid tal-vapur” – PN
Intant fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista ssotna li l-poplu qed jistenna li tittieħed azzjoni kontra s-sid tal-vapur li kkawża l-ħsara fl-interconnector.
David Agius, il-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari, qal li l-Gvern Laburista għadu qed jevita milli jwieġeb dwar jekk ittieħdux passi kontra s-sid tal-vapur li kkawża din il-ħsara. Qal li grazzi għat-tekonoloġija moderna huwa faċli li wieħed jidentifika liema kien il-vapur ladarba wieħed jaf il-ġurnata u l-ħin li fih seħħ l-inċident.
Agius staqsa x’passi ħa l-Gvern kontra min għamel il-ħsara u għaliex isem il-vapur qed jinżamm mistur. Sostna li din l-informazzjoni għandha tkun pubblika sabiex il-poplu jkun mgħarraf bil-fatti kollha. Hu qal li jekk il-Prim Ministru Joseph Muscat mhux lest li jagħmel dan, mela d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne għandu jara li jittieħdu l-passi kollha neċessarju. Qal li jekk Fearne mhux lest li jagħmel dan, mela għandu jkun Robert Abea li jesiġi li dan isir.