Jerġa’ jberraq fuq l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza

European Union, 2018

L-iskema ta’ bejgħ taċ-ċittadinanza Ewropea, b’mod speċjali l-iskema Maltija, reġgħet tinsab fuq l-aġenda tal-Kummissjoni Ewropea. Dan sar magħruf minn intervista mal-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja li saret minn gazzetta Ġermaniża.

European Union, 2018

Meqjusa bħala waħda mill-aktar Kummissarji Ewropej li għamlu suċċess, Jourová ħadmet biex ittejjeb b’mod konsiderevoli l-protezzjoni tal-konsumatur fuq l-Internet fl-Ewropa kollha u mbuttat l-implimentazzjoni ta’ Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew kontra oppożizzjoni qawwija minn pajjiżi differenti fotsthom Malta. Issa l-Kummissarju Ewropew trid taġixxi kontra “l-passaporti tad-deheb”.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Věra Jourová qalet dan mal-gazzetta Ġermaniża Die Welt, li hija l-ewwel waħda li rrappurtat dan il-pjan.

Fl-intervista Jourová qalet li l-Kummissjoni tinsab “imħassba ħafna” dwar l-għadd ta’ passaporti tal-Unjoni Ewropea li qed jingħataw bi skambju għal flus. Saħqet li l-Kummissjoni mistennija li ssejjaħ lill-pajjiżi li qed joffruhom, fosthom Malta, biex “jimplimentaw malajr il-liġijiet il-ġodda kontra l-ħasil tal-flus”. Dwar dan, Jourová tkellmet mal-Gvern Malti waqt iż-żjara tagħha f’Malta f’Ġunju li għadda.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li bħal kif għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat, diversi ditti legali qed iduru d-dinja jagħmlu promozzjoni biex ibigħu ċ-ċittadinanza Maltija. Fost dawn, uħud mill-avukati jinsabu fl-Ingilterra u fl-Indja.

F’Malta, b’laqgħa waħda mal-awtoritajiet tista’ tixtri passaport

European Union, 2018

Mistoqsija speċifika dwar Malta, wasslet lill-Kummissarju Ewropew Jourová biex tgħid li l-uffiċjali Maltin qalulha li dawk li ħadu ċ-ċittadinanza Maltija ltaqgħu magħhom darba biss.

Dan ifisser li skont il-Kummissarju Ewropew, laqgħa waħda mal-uffiċjali Maltin fl-uffiċini ta’ Identity Malta tista’ twassal biex tiġi approvata l-applikazzjoni taċ-ċittadinanza Maltija.

Inaċċettabbli li l-gvernijiet iqabbdu aġenziji privati għall-iskrutinju

European Union, 2018

B’referenza ċara għax-xogħol li qed tagħmel il-kumpanija Henley & Partners, Jourová qalet li huwa wkoll inaċċettabbli li xi gvernijiet jgħaddu l-iskrutinju, l-investigazzjoni u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza lill-aġenziji privati. Saħqet li dan għandu jsir mill-awtoritajiet tal-istat, minħabba l-importanza lejn is-sigurtà tal-pajjiż u l-UE kollha.

Fl-istess intervista, Jourová spjegat li dawn l-iskemi “joħolqu riskju serju għas-sigurtà”, peress li jippermettu lill-benefiċjarji jgawdu d-drittijiet kollha taċ-ċittadini tal-UE u jimxu minn pajjiż għall-ieħor b’mod ħieles. Saħqet li fl-Unjoni Ewropea “ma rridux trojan horses”.

Meta kienet qed twieġeb dwar x’qed tistenna mill-pajjiżi Ewropej Jourová wieġbet li l-Istati Membri għandhom jagħmlu iktar biex jiżguraw li ċ-ċittadinanza ma tingħatax lill-kriminali li jista’ jkun li qed jipperikolaw jew jheddu s-sikurezza tal-Ewropa. Jourová qalet li “l-UE m’għandhiex issir kenn sikur għall-kriminali, il-korruzzjoni u l-flus maħmuġa” filwaqt li qalet li l-pajjiżi se janalizzaw l-applikazzjonijiet b’livell aktar għoli ta’ skrutinju, fosthom minn fejn ġejjin, dak li jridu u minn fejn ikunu ġejjin il-flus tagħhom.

X’inhuma r-regoli li qed taħdem fuqhom il-Kummissjoni?

Fl-intervista, Věra Jourová, il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja tkellmet f’aktar dettal dwar x’se tkun qed tipproponi l-Kummissjoni Ewropea. Hija qalet li l-Kummissjoni se tippubblika linji gwida sal-ħarifa.

Spjegat li dan se jsir wara li l-Kummissjoni tkun analizzat lil kull pajjiż fid-dettal fil-mod kif jinħarġu ċittadinanzi ġodda lil ċittadini minn pajjiżi terzi. Qalet li se jkun qed jiġi mħejji rapport bil-problemi ta’ kull pajjiż u jinħarġu regoli ġodda. Stqarret li mal-istati membri, “il-Kummissjoni se tkun konsistenti u esiġenti kemm jista’ jkun”.

Mill-intervista jirriżulta li l-linji gwida l-ġodda se jkunu qed jimponu sistema b’aktar responsabbiltà fuq l-Istati Membri. Jourová qalet li s-sistema trid tagħti garanzija li l-persuni b’ċittadinanza ġdida Ewropea ma jagħmlux dannu lill-Ewropa. Stqarret li tinsab “kunfidenti li l-Kummissjoni tidħol fi djalogu kostruttiv mal-pajjiżi individwali”.

European Union, 2018