Jeremy Corbyn ma għandux problema b’referendum ieħor fl-Iskozja

Il-mexxej tal-Partit Laburista Ingliż Jeremy Corbyn qal li ma għandu xejn kontra li l-Iskozja tivvota għat-tieni darba għall-Indipendenza mill-kumplament tar-Renju Unit.
Wara Brexit, li l-Iskozja vvutat kontrih, l-Ewwel Ministru Skoċċiż, Nicola Sturgeon, wissiet kemm-il darba li hemm possibilità kbira li l-Iskozja terġa tivvota mill-ġdid għall-Indipendenza.
Minkejja dan, Kezia Dugdale, il-mexxej Laburista fl-Iskozja qalet li l-partit tagħha se jkun qed jopponi referendum ieħor.
Min-naħa tiegħu Corbyn qal lill-Press Association li mhux l-irwol tal-Partit Laburista li jipprevjeni li l-poplu jivvota f’referendum.
Il-kummenti tal-mexxej Laburista Ingliż ġabu l-kundanna ta’ ħafna fil-partit tiegħu, bil-Kelliem tiegħu għall-Ġustizzja tiddeskrivihom bħala “irresponsabbli.”
Jackie Baillie kompliet tgħid li dak li qal Corbyn huwa insult għad-dedikazzjoni ta’ ħafna Membri Parlamentari Laburisti Skoċċiżi, kunsilliera u eluf ta’ attivisti li qed jikkampanjaw kontra t-tieni referendum.
Il-kummenti ta’ Corbyn ġew fi żmien ta’ spekulazzjoni dwar il-possibilità li Sturgeon titlob lil Westminister biex l-Iskozja tivvota dwar il-futur tagħha fir-Renju Unit.
S’issa l-Prim Ministru Ingliż Theresa May ma qalitx jekk taċċettax tali talba, iżda qalet kemm-il darba li ma taqbilx li jkun hemm it-tieni referendum.
Fl-2014 55% tal-Iskoċċiżi vvutaw biex pajjiżhom jibqa’ parti mir-Renju Unit.