Jennifer Lopez bdiet it-tour It’s My Party f’għeluq il-50 sena tagħha

Jennifer Lopez, jew kif inhi magħrufa bħala J-Lo, ilbieraħ il-Ġimgħa 7 ta’ Ġunju bdiet bl-ewwel kunċert mit-tour It’s My Party li hi qegħda tagħmel biex timmarka għeluq il-50 sena tagħha.

Lopez tiċċelebra dan il-jum nhar l-24 ta’ Lulju iżda ċ-ċelebrazzjonijiet għalih bdew ilbieraħ f’Inglewood. It-tieni kunċert se jsir fl-istess post illejla biex imbagħad nhar it-Tnejn ikompli f’San Diego.

B’kollox hemm pjanati 25 kunċert u wara d-dati fl-Istati Uniti, Lopez se tkun qed tagħti xi kunċerti fil-Messiku, u wara jkomplu fl-Iżrael, fir-Russja, fit-Turkija u fl-Eġittu.

Hu mifhum li ħafna mill-kunċerti diġa’ nbiegħu għalkemm kien hemm ukoll bosta persuni li ngidmu meta bdew jixtru biljetti foloz minn siti li twaqqfu apposta biex iqarrqu bin-nies.

Dan it-tour qed jitqies bħala l-akbar spettaklu tagħha f’dawn l-aħħar snin u jinkludi siltiet mużikali u oħrajn riċenti bħal Love Don’t Cost a Thing, On the Floorm I’m Real u If You Had My Love.

L-ispettaklu jkompli jissaħħaħ bil-parteċipazzjoni ta’ żeffiena mill-programm televiżiv tagħha ta’ suċċess, World of Dance.