Jelenka ħidmet Malta għall-Presidenza Maltija

Is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Maltija Ian Borg qal li l-Unjoni Ewropea għaddiet minn diversi episodji li trawmatizzaw lill-Unjoni Ewroepa, fosthom l-immigrazzjoni, il-krizi finanzjarja u Brexit.

Waqt li kien qiegħed jindirizza lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali fi Brussell, Ian Borg elenka diversi sfidi li l-Presidenza Maltija għall-Kunsill Ewropew se tkun qed tiffaċċja fosthom l-elezzjonijiet ġenerali fi Franza u l-Ġermanja.

Żied jgħid li Malta temmen li dawn l-isfidi jridu jiġu indirizzati flimkien mal-inguwaljanzi li jħossu ċ-ċittadini Ewropej.

Elenka l-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija fosthom l-immigrazzjoni.

Stqarr li għas-sistema komuni tal-ażil trid tinbena sistema sostenibli fejn il-qsim ikun aktar ġust bejn kulħadd.  Żied jgħid li jridu jiġu riveduti r-regolamenti ta’ Dublin.

Dr Borg irrefera wkoll għall-attakki terroristiċi li seħħew fl-Ewropa u qal li l-Ewropa teħtieġ tkun aktar preparata biex tisgura s-sigurtà taċ-ċittadini.

Dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-gruppi vulnerabbli, Ian Borg qal li l-Presidenza se taħdem b’mod partikolari biex in-nisa ikollhom ċans sħiħ għas-suq tax-xogħol fl-Ewropa.

Żied jgħid li għan ieħor tal-Presidenza huwa li jkun hawn diskussjoni biex l-aspetti tal-Ewropa jkunu aktar viżibli għaċ-ċittadini, biex jifhmu u jaraw il-valur tal-Unjoni Ewropea. Saħaq għal simplifikazzjoni tal-politika tal-UE u biex tadotta politika li tħares ’il quddiem lejn sfidi ġodda u soluzzjonijiet inovattivi.

Fid-diskors tiegħu huwa tkellem ukoll dwar il-fondi tal-Unjoni Ewropea u qal li l-Presidenza Maltija se taħdem biex tnaqqas il-burokrazija għal dawn il-fondi.

Spjega li fil-Presidenza se jsiru żewġ laqgħat b’rabta ma’ dan waħda fi Brussell u oħra informali f’Malta.

Matul il-mistoqsijiet, il-Membri Parlamentari Ewropew staqsew kif fost il-prijoritajiet ta’ Malta m’hemm xejn dwar Brexit. Ian Borg qal li dwar Brexit l-Unjoni Ewropea qed tistenna notifika uffiċjali u mhux se jikkummenta fuq xi ħaġa ipotetika.

Dwar il-politika ta’ koeżjoni, Ian Borg qal li din għandha l-għan li tnaqqas id-distakk bejn ir-reġjuni. Saħaq li s-sentimenti populisti qed jikbru fir-reġjuni li n-nies iħossuhom minsija mill-politiċi.