Jekk żagħżugħ Għawdxi din l-iskema jaf tgħodd għalik

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda skema għal żgħażagħ Għawdxin li qed ifittxu xogħol u għandhom bejn 16 u 20 sena. F’din l-iskema bl-isem ta’ Work Trial Scheme for Youths iż-żgħażagħ se jkunu qed jirċievu €90 fil-ġimgħa b’total ta’ €450 f’ħames ġimgħat.

Din l-iskema se ddum ħames ġimgħat u fi kliem il-Ministru Camilleri se tkun qed tagħti opportunità liż-żgħażagħ Għawdxin jaħdmu f’Għawdex stess. Iż-żgħażagħ jistgħu jaħdmu f’settur privat jew f’organizzazzjoni volontarja. Il-Ministeru se jkun qed iħallas lil min iħaddem sa 20 siegħa fil-ġimgħa, imbagħad min iħaddem jista’ jagħżel li jagħti inċentiv lil dawn iż-żgħażagħ u jkompli jħaddimhom jew iżidilhom is-sigħat.

Il-Ministru Camilleri żied li żgħażagħ eliġibbli huma dawk kollha li qed jattendu istituzzjoni edukattiva (skola sekondarja, MCAST, ITS, Junior College, Università). Kompla li din l-iskema se tibda mit-Tnejn, 3 ta’ Awwissu 2020, sal-Ġimgħa, 4 ta’ Settembru 2020.

L-applikazzjonijiet se jinfetħu bejn it-Tnejn, 6 ta’ Lulju 2020, u mhux aktar tard minn nofsinhar tal-Ġimgħa, 10 ta’ Lulju 2020, u wieħed jista’ japplika online fuq mgoz.gov.mt. Min iħaddem għandu jkun reġistrat ma’ Jobsplus sabiex ikun eliġibbli biex jimpjega Youth Trainee Participants permezz ta’ din l-iskema, u x-xogħol għandu jkun fil-gżira Għawdxija.

Dawk eliġibbli jridu jkunu għalqu s-16-il sena jew ma jkollhomx aktar minn 20 sena sal-Ħadd, 12 ta’ Lulju, 2020. Applikanti li huma kkunsidrati bħala żgħażagħ u qegħdin jirreġistraw bħala Part 1 jew li mhumiex jaħdmu jistgħu jipparteċipaw f’din l-iskema. F’każ ta’ dawk l-applikanti li qed jirreġistraw bħala Part 1 mal-jobsplus, iridu jippreżentaw Dikjarazzjoni mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali flimkien mal-applikazzjoni. Il-ħlas tal-għotjiet jinħareġ malli jirċievi l-Attendenza mill-Ministeru għal Għawdex. L-Iskeda ta’ Attendenza għandha tintbagħat lill-MGOZ fi tmiem l-iskema sa mhux aktar tard minn nofsinhar tal-Ġimgħa, 11 ta’ Settembru 2020.