Jekk xtrajt dawn id-dwal tal-Milied – attent!

L-Awtorità ta’ Malta għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) qed twissi lill-pubbliku sabiex jiċċekkja d-dawl tal-Milied. Fi stqarrija spjegat li ta’ kull sena jiżdiedu l-varjazzjonijiet kreattivi fid-dwal tal-Milied u għaldaqstant xtaqet tfakkar lill-konsumaturi dwar pariri bażiċi ta’ sigurtà relatati ma’ prodotti li normalment jinxtraw  waqt  dan l-istaġun tal-festi.

Skont il-programm ta’ sorveljanza tas-suq tal-awtorità, l-ispezzjonijiet dwar dawn il-prodotti ilhom għaddejjin matul dawn l-aħħar ġimgħat u diġà nstabu fuq is-suq numru ta’ prodotti li mhumiex konformi. Riċentement, saru sensiela ta’ testijiet fuq diversi settijiet tad-dawl li jistgħu jinstabu fuq is-suq Malti. Żewġ prodotti, kif indikat fir-ritratti mehmuża, irriżultaw li mhumiex sikuri peress li r-riskju li jimponu dawn il-prodotti huwa dak ta’ xokk elettriku. Minħabba l-għamla fqira ta’ dawn is-settijiet tad-dawl, xi partijiet jistgħu jinkisru u jesponu kurrent elettriku u jekk jintmessu mit-tfal, jista’ jwassal għal xokk elettriku u anki għall-mewt.

L-Awtorità wissiet lill-operaturi ekonomiċi li dawn il-prodotti għandhom jitneħħew immedjatament mis-suq u tittieħed azzjoni kontra min jagħżel li jompli joffri dawn il-prodotti għall-bejgħ.

L-Awtorità kompliet billi fakkret lill-konsumaturi sabiex meta jixtru dekorazzjonijiet elettriċi, għandhom dejjem ifittxu l-marka CE. Din hija indikatur importanti tal-konformità tal-prodott mal-liġijiet applikabbli tal-Unjoni Ewropea. Wieħed għandu wkoll jara li l-prodott għandu l-vultaġġ adattat għas-sistema elettrika lokali (230V, 50Hz), jara li t-twissijiet rilevanti bil-Malti jew Ingliż jakkompanjaw il-prodott u li l-prodot għandu konnessjoni ta’ 3-pin diretta mas-sistema elettrika lokali.

F’każ li l-konsumaturi jkollhom kwalunkwe diffikultajiet rigward is-sigurtà tal-prodotti msemmija hawn fuq jew dwar prodotti oħrajn, huma mħeġġa li jikkuntattjaw id-Divizzjoni għar-Regolamenti Tekniċi fi ħdan l-MCCAA fuq 2395 2000 jew msd.mccaa@mccaa.org.mt.