“Jekk veru jinteressak mill-ħaddiem, irrapporta mill-ewwel” – OHSA dwar xogħol b’periklu

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), fi kliemha, sostniet li min verament jinteressah li jitħarsu s-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema li jkunu qed jaħdmu fil-periklu, għandu jinforma lill-Awtorità mill-ewwel. Dan għaliex meta r-rapport ma jsirx f’ħin qasir, ix-xogħol jaf jitlesta u ma jkunx hemm x’isibu fuq il-post.

L-Awtorità kienet qed twieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt wara li kien irċieva ritratti u filmati ta’ ħaddiem ta’ karnaġġjon skur, erbgħa sulari fl-għoli f’Ħal Balzan. Dan kien qiegħed jiżbogħ b’id waħda, u bl-id l-oħra jżomm ħabel biex ma jaqax.

Filmat: Ħidma fl-għoli f’Ħal Balzan; ħabel f’id waħda bejn ħajja u mewt

Żiedet tgħid li wara li saru l-verifiki meħtieġa, l-Awtorità kkonfermat li ma rċeviet l-ebda rapport dwar dan l-inċident. Spjegat li meta dan ma jsirx, l-OHSA ma tistgħax tieħu azzjoni immedjata, u għalhekk il-ħaddiema se jitħallew jaħdmu fil-periklu.

Infatti, f’dan il-każ partikolari, l-OHSA marret fuq il-post u spezzjonat wara li rċeviet il-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, iżda sabet ix-xogħol lest u mingħajr ħaddiema preżenti. Għal din ir-raġuni, ma setgħetx tieħu passi kontra min kien negliġenti. Żiedet tgħid li biex jittieħdu l-passi meħtieġa, il-persuna li ġibdet il-filmat u r-ritratti tkun trid titla’ tixhed fil-Qorti li dawn kienet ħadithom hi.

Hi ħadet l-opportunità biex tappella lil kull min jara xogħol li jaħseb li hu perikoluż biex mill-ewwel jirraporta b’email lil ohsa@gov.mt jew fuq in-numri  21247677 u 99496786. Barra minn hekk, hemm ukoll l-app tal-mowbajl li tista’ titniżżel jisimha Bsafe@work, li tippermetti li jsir rapport, u jekk ikun hemm il-ħtieġa, li jannessa ritratt jew filmat.