“Jekk twaħħal f’kulħadd tpaxxi lil dawk responsabbli” – Bartolo

Miguela Xuereb

Il-Ministru Evarist Bartolo reġa’ rħielha għal fuq Facebook fejn illum sostna li jekk wieħed iwaħħal f’kulħadd ikun qed ipaxxi lil dawk li huma responsabbli għax jinħbew wara ħaddieħor.

Hu qal dan b’reazzjoni għall-kliem tad-dimostranti li fil-protesti tagħhom indirizzaw lill-kabinett sħiħ bħala “korrotti”, “assassin” u “mafja”. Bartolo insista li mhux sew li għal dawk li jipprotestaw, kull min b’xi mod jew ieħor għandi x’jaqsam mal-Gvern għandu “jiġi mgħajjar bl-akbar mibegħda.”

Qal li meta jaraw hekk dawk li huma verament korrotti u l-mafjużi li organizzaw u wettqu l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, jieħdu gost. Qal li dawn jieħdu gost għax kif jgħid il-qawl Taljan “fid-dlam il-qtates kollha jidhru l-istess kulur.” Irrimarka li dawk verament ħatja jibdew jgħidu “mela la kulħadd ħati, mela huma mhumiex agħar minn ħaddieħor.”

Bartolo kompla jgħid li huwa essenzjali li jsiru l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa u jinqabdu dawk kollha mdaħħla. Qal li huwa essenzjali li dawn kollha jittressqu l-Qorti u jieħdu li ħaqqhom. Intant, qal li għad irid isir ħafna xogħol serju biex il-politika u n-negozju jitnaddfu mill-korruzzjoni u l-kriminalità.

“Għandna biżżejjed nies ta’ rieda tajba ta’ fehmiet differenti minn kull qasam tal-ħajja li huma onesti u serji u jistgħu jagħtu sehemhom biex pajjiżna jibda ħajja ġdida u aħjar għall-ġid tal-poplu tagħna,” temm jgħid Bartolo.