Kif tiġġieled is-sħana meta tuża r-rota

Is-sħana qed tagħmel tagħha. Waqt li qed issuq tista’ tixgħel l-arja kkundizzjonata u taqta’ xi ftit mil-longa tax-xemx.  Imma meta tkun qed issuq rota x’għandek tagħmel?
Il-Bicycling Advocacy Group ħareġ linji gwida biex jgħin lil dawk li jużaw ir-rota biex minkejja x-xemx taqli l-ankri xorta waħda jkunu jistgħu jużaw dan il-mezz ta’ trasport:

  1. Il-grupp saħaq li ċiklist jista’ jġorr flixkun ilma mhux waqt il-LifeCycle jew it-Tour de France biss. Huwa importanti li ċ-ċiklist iżomm fuqu flixkun ilma u jixrob ta’ spiss.
  2. Ħeġġeġ liċ-ċiklisti biex jilbsu ħafif, għalkemm dan ma jfissirx li wieħed ma jilbisx l-ilbies protettiv. Lil dawk li jużaw ir-rota u minħabba xogħolhom ikollhom jilbsu xi suit jew libsa, il-grupp ħeġġiġhom biex jivjaġġaw f’ħinijiet fejn ix-xemx ma tkunx daqshekk qawwija.
  3. Ċiklisti għandhom jippjanaw ir-rotta u jagħżlu rotot b’inqas tlajja u nżul u kemm jista’ jkun fid-dell.
  4.  Jekk qed iġorru xi ħaġa magħhom, iċ-ċiklisti għandhom jevitaw li jżommu dawn fuqhom u jorbtuhom mar-rota.
  5. Il-helmet tibqa’ importanti dejjem. Ċiklist għandu jassigura li din tkun armata apposta b’pads li jiġbru l-għaraq u jkunu jistgħu jinqalgħu. Biċċa bandana wkoll biżżejjed.