“Jekk tridu teqirdu d-droga ejjew miegħi l-infern”

Il-President tal-Filippini Rodrigo Duterte wieġeb b’reazzjoni ħarxa għall-kritika li għamlulu l-Isqfijiet Kattoliċi tal-pajjiż dwar id-droga.
F'ittra pastorali dan l-aħħar huma kkummentaw li l-gruppi ‘viġilanti’ awtorizzati minnu ħolqu “renju tat-terrur” bil-qtil ta’ eluf ta’ persuni ssuspettati li qed jilagħbu mad-droga.
Duterte, li kemm-il darba wera li japprova l-qtil minn taħt ta’ dawk li jinnegozjaw jew jabbużaw mid-droga, sarkastikament issuġġerixxa lill-Kattoliċi li huma liberi li jisimgħu mill-Isqfijiet “jekk tridu tmorru l-ġenna”.
Imma hu insista li mhux sa jibdel il-politika li adotta kemm ilu fit-tmexxija minn Ġunju li għadda, li wasslet għall-qtil ta’ 7,000 persuna fl-aħħar seba’ xhur.
Il-Konferenza Episkopali Kattolika tal-Filippini fl-ittra pastorali kkritikat ir-“renju tat-terrur” li beda l-President “f’bosta postijiet foqra”, għax “ma tistax tikkoreġi l-ħażen b’ħażen ieħor”.
Fir-reazzjoni vjolenti ta’ Duterte waqt konferenza stampa, hu kompla stieden lin-nies: “Jekk tridu teqirdu d-droga… Jien sejjer l-infern. Ejjew miegħi”.