Jekk tlaqqamt tista’ tagħti d-demm minn ġimgħa sa xahar wara

Bħalissa l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qed tikkommemora l-Ġimgħa Dinjija tat-Tilqim bil-għan li jikber aktar l-għarfien dwar it-tilqim.
Għalhekk is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qed ifakkar li kull minn jirċievi vaċċin ikun jista’ jagħti d-demm minn ġimgħa sa xahar wara li jitlaqqam. Dawk iżda li jieħdu t-tilqima tar-rabies, iridu jħallu sena biex jagħtu d-demm.
Intant is-servizz ifakkar ukoll li ċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa jkun miftuħ kuljum mit-8:00am sas-6:00pm.
Barra minn hekk illum il-Mobile Blood Donation Unit, jinsab fil-Pjazza ta’ quddiem il-Knisja Parrokjali tal-Mellieħa sas-1:00pm. Professjonisti mid-Dipartiment tal-Kura Primarja ser joffru servizzi relatati mas-saħħa fosthom testijiet tal-pressjoni u z-zokkor u anke se jagħtu pariri dwar is-saħħa.
F’Għawdex ukoll wieħed jista’ jagħti d-demm fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali llum bejn it-8:00am u s-1:00pm u nhar it-Tlieta 28 t’April bejn is-1:00pm u l-5:00pm.
Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm ifakkar li min imur jagħti d-demm għandu jieħu l-karta tal-identità, il-liċenzja tas-sewqan jew il-passaport Malti.