Jekk tixtieq titrasferixxi n-negozju tal-familja…

Jekk għadek tixtieq titrassferixxi n-negozju tal-familja tiegħek fi ħdan l-istess familja, se jkollok ċans tagħmel dan sat-30 ta’ Settembru ta’ din is-sena.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għall-Finanzi, wara li ġiet estiża l-miżura fiskali mħabbra mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna fid-diskors tal-budget tal-2016.
Il-Ministru Scicluna saħaq li la l-komunità kummerċjali rreaġixxiet b’mod favorevoli għall-miżura, ikun għaqli li tiġi estiża.
Fl-istqarrija kien spjegat li permezz ta’ din il-miżura, negozji tal-familja li kienu qed jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra, permezz ta’ att ta’ donazzjoni tnaqqsitilhom it-taxxa tad-donazzjoni minn 5% għal 1.5%.
Irrimarkat li t-taxxa tapplika kemm għal propjetà mobbli kif ukoll immobbli, sakemm il-propjetà tkun ilha kkunsidrata bħala negozju tal-familja minn tal-inqas tliet snin qabel id-donazzjoni.
Wara li jsir l-att ta’ donazzjoni, l-istess propjetà trid tibqa’ bħala negozju tal-familja għat-tliet snin ta’ wara.
L-avviż legali rispettiv se joħroġ il-ġimgħa d-dieħla.