Jekk tixtieq tidħol f’dar Rumana…

Se tiġi organizzata żjara bi gwida fil-fdalijiet li jinsabu fuq wara tad-dar Rumana, magħrufa bħala d-Domvs Romana.
L-attività, organizzata minn Heritage Malta se ssir nhar it-Tnejn 1 ta’ Mejju, f’festa pubblika.
Id-Domvs Romana tinsab eżatt barra s-swar tal-Imdina, tospita fdalijiet Rumani li jagħtu ħjiel dwar il-ħajja domestika fl-epoka Rumana.
Minbarra li hemm tagħrif dwar is-sit, il-mużew jesplora d-diversi aspetti ta’ għajxien ta’ familja Rumana. Il-viżitaturi se jkollhom l-opportunità wkoll jaraw l-ikbar art tal-mużajk eżistenti f’Malta, li huma fost l-iktar fini fiċ-ċentru tal-Mediterran.
L-attività tibda fl-10am u hi miftuħa għal għadd limitat ta’ viżitaturi.
Il-biljetti, €10 għall-kbar, anzjani u studenti u €8 għall-membri ta’ Heritage Malta u tfal, jinkisbu mill-mużewijiet u siti kollha ta’ Heritage Malta jew onlajn
Il-prezz jinkludi wkoll waqfa għall-kafè.