“Jekk titlob temmen u jekk temmen titlob” – L-Isqof Mario Grech

Betty Bugeja

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech tkellem dwar l-importanza tat-talb, partikolarment fuq l-importanza tiegħu fost il-qassisin. Fl-omelija tal-quddiesa taż-żjut, huwa qal li huwa t-talb li jagħmel lill-qassisin qassisin.

Din il-quddiesa saret dalgħodu f’Ħamis ix-Xirka fil-Katidral tal-Assunta fir-Rabat, Għawdex.

“Huwa t-talb li jagħmilna qassisin”

L-omelija tiegħu l-Isqof iffukaha fuq kif il-qassisin huma mibgħuta biex jittrażmettu l-esperjenza ta’ Alla. Sabiex din jittrażmettuha lil ħaddieħor, jeħtieġ li l-ewwel nett jgħixuha huma. L-Isqof Grech qal li jippreferi li qassis inaqqas mill-ħidma u l-impenji tiegħu ġaladarba jkun qed jiddedika l-ħin għat-talb. Wara kollox, qal l-Isqof, għal Ġesù, it-talb ma kienx xi għażla, iżda kien dak li żammu ħaġa waħda mal-Missier.

Huwa ġab eżempju b’xi espressjonijiet ta’ Dun Mikiel Attard, fosthom meta qal li s-saċerdot Kattoliku huwa “sagrament personifikat ta’ Ġesù Kristu.” Dun Mikiel kien qal li s-saċerdot, bħala rappreżentant ta’ Ġesù, dejjem għandu jkun xempju tat-talb u juri responsabbiltà f’għemilu.

B’mod metaforiku, l-Isqof xebbah it-talb ma’ riħ mibgħut mill-Ispirtu s-Santu biex jimla l-qlugħ tad-dgħajsa ta’ Pietru, simbolu tal-Knisja. Id-dgħajsa timxi b’dan ir-riħ fil-qlugħ tagħha, l-istess bħalma l-Knisja tiffunzjona permezz tat-talb.

“Il-fidi titkejjel skont kemm u kif nitolbu”

L-Isqof qal li jekk il-qassisin ma jkollhomx qafas spiritwali sod, ma jkampawx fil-ministeru. Serraħ ras il-qassisin li l-isfida għall-bilanċ bejn il-ħidma u t-talb mhijiex xi ħaġa tal-lum il-ġurnata, iżda kienet sfida fi żmien l-Appostli wkoll, u saħansitra titfaċċa fil-Bibbja. Spjega li filwaqt li hu permess li l-qassisin jiddelegaw xi ħidmiet tagħhom, it-talb ma jistax jiġi ddelegat.

Kompla jgħid li l-fidi titkejjel skont il-mod kif u kemm wieħed jitlob. Qal lin-nies li jkun faċli jiddistingwu bejn saċerdot li jitlob bil-qalb, b’passjoni u b’fidi, u saċerdot li “hu purament funzjonarju tas-sagrament retribwit.”