Jekk tinsa l-iżbalji, tista’ tirrepetihom – il-Papa Franġisku

Fl-enċiklika l-ġdida tiegħu, il-Papa Franġisku mhux biss iħeġġeġ lil dawk ta’ rieda tajba biex jaħfru iżda jħeġġiġhom ukoll biex ma jinsewx. Dan l-appell tal-Papa huwa wieħed preċiż: ftakar mhux biex tpattiha lil dak li jkun imma biex dak li seħħ ma jerġax jiġri. Huwa rrefera b’mod dirett għall-iżbalji li seħħew fl-istorja bħalma huma l-Olokawst, massakri diversi u l-bomba atomika. Wissa li jekk ma niftakrux dawn il-ġrajjiet kiefra, l-umanità tista tiġi lluppjata u titlef il-ħeġġa tal-kuxjenza.

Fuq What’s On Newsbook li jixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa fuq 103 Malta’s Heart, Fr Joe Borg tkellem dwar din l-enċiklika. Huwa ddeskriva kif il-Papa jitkellem dwar l-immigranti u qabbel din il-parti tal-enċiklika ma’ parti oħra li titkellem dwar it-tqassim tal-ġid u l-kunċett li aħna lkoll aħwa. Qal li dawn it-tliet aspetti jorbtu flimkien. Id-dinja hija d-dar komuni ta’ kulħadd. Ma fihiex fruntieri. Xebbaħha ma’ familja li l-membri tagħha jgħixu f’diversi pajjiżi: xorta aħwa jibqgħu, spjega Fr Joe Borg. Huwa qal li minħabba f’hekk il-fruntieri jiswew bissa għal finijiet legali u l-ħarsien tal-pjaneta jinsab f’idejn kulħadd. Hu għalhekk li kulħadd irid jara li l-pajjiżi kollha jistgħu jmantnu l-popolazzjonijiet tagħhom u li l-immigranti għandhom jintlaqgħu, ikunu mħarsa, imwieżna u integrati.

Meta tkellem dwar ir-reliġjonijet, qal Fr Borg, il-Papa Franġisku kien ċar: mhux ir-reliġjonijiet li joħolqu l-firda, iżda interpretazzjonijiet qarrieqa li jistgħanaw minn fuq il-firda.