Aġġornata bil-filmat: Jekk tiddgħajjef il-kuxjenza soċjali, tiddgħajjef ukoll is-soċjetà – L-Arċisqof

Waqt l-Omelija tiegħu fil-Quddiesa Pontifikali fl-okkażjoni ta’ Jum l-Indipendenza, l-Arċisqof Pawlu Cremona qal li ma’ kull kisba politika li seħħet fil-pajjiż, Malta mhux biss saret ħielsa iżda wkoll żdiedu r-responsabbilitajiet fit-tmexxija tal-pajjiż. Fi kliem l-Arċisqof, il-Knisja minn naħa tagħha dejjem ħadmet biex issaħħaħ il-fibra morali f’Malta iżda saħaq li l-Knisja m’għandhiex titħalla waħedha f’dan ir-rigward.

L-Arċisqof qal li l-fibra morali għandha dimensjoni soċjali, għall-ġid jew għad-dannu tas-soċjetà u għandha tkun is-soċjetà stess li terfa’ din ir-responsabbilità. Qal li meta l-fibra morali tiġi nieqsa jew tiddgħajjef, is-soċjeta ġġarrab ħafna telf. 

Fl-Omelija tiegħu l-Arċisqof tkellem ukoll dwar l-eżempju li qed jagħti l-Papa Franġisku illi jimpurtah minn dak li qed iseħħ fis-soċjetajiet madwar id-dinja. Qal li bħalma l-Papa sejjaħ għat-talb sabiex tirrenja l-paċi partikolarment fir-reġjun Sirjan, semma li l-Maltin għandhom jingħaqdu bħala komunità fit-talb għal dawk li qed ifittxu l-ażil inkluż f’Malta stess.

L-Arċisqof qal li b’hekk tkun qed tinfirex l-imħabba tal-Maltin fuq kulħadd kif wera l-Papa Franġisku bl-eżempju tiegħu stess. L-Arċisqof ammetta li f’Malta hawn lok għal impenn ikbar fil-fibra morali tal-poplu. Huwa temm il-messaġġ tiegħu billi appella biex ikun hemm rabta sħiħa bejn il-ħajja soċjali u dik morali u qal li permezz tal-virtujiet soċjali, il-bniedem jistgħu jagħtu glorja lil Alla.