Jekk tħossok ma tiflaħx, evita kuntatt mal-annimali – MVA

L-Assoċjazzjoni tal-Veterinarji f’Malta (MVA) qalet li filwaqt li m’hemm l-ebda evidenza li turi trażmissjoni tal-coronavirus mill-annimali għall-bniedem, hija tissuġġerixxi li jekk xi ħadd iħossu ma jiflaħx, dan jevita kuntatt dirett mal-annimali domestiċi tiegħu.

Fi stqarrija maħruġa lbieraħ, l-MVA qalet li skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tal-Annimali (OIE), il-metodu ta’ trażmissjoni ta’ dan il-virus baqa’ minn bniedem għal bniedem.

Spjegat li s’issa ġew ippubblikati 3 każijiet fejn annimali ġew ittestjati u rriżultaw pożittivi għall-Covid-19. Minn dawn, tnejn kienu klieb minn Hong Kong li ma wrew l-ebda sinjal kliniku ta’ mard relatat mal-coronavirus. Qattusa li sidha kien diġà kkonfermat pożittiv għall-virus wriet xi sinjali kliniċi. Din il-qattusa ġiet ittestjata minn sidha stess u għalhekk, għalkemm irriżultat pożittiva, l-awtoritajiet għandhom xi dubji dwar kontaminazzjoni tal-ambjent li seta’ qarraq bir-riżultat finali tat-testijiet li saru fuq dan l-annimal. L-MVA semmiet il-każ tat-tigra li nstabilha l-coronavirus f’żu fi New York, u qalet li dan il-każ għadu ma ġiex ikkonfermat mill-istess OIE.

Stqarret li l-annimali li qed jirriżultaw pożittivi huma każijiet fejn hemm kuntatt dirett u viċin ma’ pazjenti umani. Għaldaqstant, l-Assoċjazzjoni ssuġġeriet li “jekk tħossok ma tiflaħx, evita kuntatt dirett mal-annimali tiegħek u segwi d-direttivi maħruġa mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.” Pazjenti kkonfermati pożittivi għall-Covid-19 għandhom, sakemm hu possibbli, iżommu l-annimali tagħhom ġewwa.

L-Assoċjazzjoni żiedet tgħid li hemm ir-riskju li l-annimali jkollhom il-pil, suf jew ġilda tagħhom ikkontaminata minn persuni pożittivi għall-virus, li jiġu f’kuntatt mill-qrib magħhom.

S’issa ma jeżistux testijiet kummerċjali li jistgħu jintużaw fuq l-annimali. Jekk l-annimali tiegħek juru sinjali ta’ mard respiratorju bħal sogħla, għatis jew diffikultà fin-nifs, is-sidien tagħhom huma mħeġġin ikellmu lill-veterinarju.