Jekk tgħix Għawdex ‘ma tistax’ taqleb il-karozza għal-LPG

Minkejja li għaddew aktar minn sentejn minn meta tnieda l-autogas (LPG), f’Għawdex għad m’hemmx pompa li tipprovdi dan il-gass.
Persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li ilhom jistaqsu lil tal-pompi tal-petrol f’Għawdex dwar meta se jiġi introdott is-servizz f’Għawdex, iżda qatt ma ngħataw tweġiba.
Newsbook.com.mt huwa infurmat li s-servizz se jibda jiġi offrut ladarba jinħarġu l-permessi meħtieġa. Madanakollu għad m’hemm l-ebda indikazzjoni dwar meta se joħorġu.
Resident f’Għawdex qal ma’ Newsbook.com.mt, li ilu xhur sħaħ iħabbat wiċċu mal-problema u biex jimla l-karozza bil-gass, ikollu jinżel Malta, bl-eqreb pompi huma ta’ St Andrews u tar-Rabat.
L-LPG, li hu alternattiva irħas u aktar nadifa mill-petrol u d-diesel, tnieda f’Mejju tal-2012.  Il-vetturi li jaħdmu bil-gass jarmu 14% inqas ta’ CO2 minn dawk tal-petrol. F’Malta hawn erba’ pompi tal-petrol li jipprovdu l-LPG: F’Ħal Luqa, ir-Rabat, St Andrews u ż-Żejtun.
Il-qlib tal-vetturi għall-gass isir minn installaturi awtorizzati u l-proċess tal-qlib tal-gass jiswa bejn €700 u €1,200 skont it-tip tal-vettura.
Newsbook.com.mt għadu jistenna t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li ntbagħtu xahar ilu lill-Awtorità Maltija għar-Riżorsi.