“Jekk terġa’ ssawwat lil mara nibagħtek il-ħabs”

Domestic Violence

Fr Vincent Magro mis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl qal ma’ Newsbook.com.mt li waqt li kien qed jaqdi l-missjoni tiegħu fil-Perù kien widdeb raġel li sawwat lil martu li jekk jerġa’ jagħmel hekk se jibagħtu sitt xhur il-ħabs.

Fr Magro kien qed jirrakkonta wħud mill-esperjenzi li għadda minnhom waqt li kien qed jaħdem fil-komunitajiet fil-Perù, missjoni li bdiet fl-1968. Spjega li fil-priedki tagħhom kienu dejjem jaqbżu għall-foqra u jippridkaw dwar il-ġustizzja soċjali. Qal li sabu ħafna każijiet ta’ vjolenza domestika u għaldaqstant bdew jiddefendu wkoll id-drittijiet tan-nisa.

Fil-każ speċifiku, Fr Magro rrakkonta kif darba minnhom mara ta’ ħabib tiegħu marret għandu biex tgħidlu li r-raġel tagħha kien għadu kif refa’ idejh fuqha, tant li ħallielha idejha vjola bit-tbenġil.

Fr Magro spjega li fil-Perù, il-qassisin huma rispettati u mħarsa bħala awtoritajiet, tant li jekk ikollu jkellem lill-Pulizija biex jarrestaw lil xi ħadd, dawn jobdu u jsegwu l-istruzzjonijiet tiegħu.

Kien għalhekk li l-qassis mar fil-bar li kien jieħu ħsieb sieħbu u wissieħ li ħbieb kienu u ħbieb jibqgħu, madanakollu jekk jerġa’ jerfa’ idu fuq martu kien se jitfgħu sitt xhur ħabs. Ir-raġel tant beża’, li skont Fr Magro minn dakinhar ‘il quddiem ma reġax sawwat lil martu darboħra.

Fr Vincent Magro, li għamel snin twal jaħdem fil-Perù ma’ bosta persuni foqra kien irrakkonta ma’ Newsbook.com.mt il-vjaġġ twil li għamel fuq il-baħar sabiex wasal fil-pajjiż.

Fl-1910, Mons. Joseph De Piro beda s-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, li hija kongregazzjoni missjunarja ta’ qassisin u patrijiet Kattoliċi. Fl-1921 is-soċjetà ħadet l-ewwel approvazzjoni djoċesana. F’din is-sena nfetħet l-ewwel dar għas-soċjetà. L-ewwel missjoni barra mill-pajjiż bdiet fl-1948 f’Sydney fl-Awstralja.