Jekk tara l-videos tal-qtates tista’ tgħin l-ambjent – Professur

REUTERS - Yuya Shino

Il-muniti diġitali, l-intelliġenza artifiċjali u n-networks tal-5G jirrikjedu sistemi li jiġġeneraw ammont kbir ta’ enerġija. Skont L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (IEA), iċ-ċentri li jipproċessaw id-data għal attivitajiet li jsiru onlajn, bħal meta jintbagħtu l-emails u jiġu strimjati vidjos, jiġġeneraw 1% tal-elettriku globali.

Hekk kif is-soċjetajiet qed isiru iktar diġitalizzati, l-attività fuq il-kompjuter mistennija tammonta għal 8% tad-domanda elettrika totali tad-dinja sal-2030, skont stimi.

Babak Falsafi, professur tal-kompjuter u x-xjenza komunikattiva javża li jekk ma noqogħdux attenti għall-carbon footprint, se naffaċjaw tibdil kbir fil-klima.

X’qiegħed isir diġà?

Xi kumpaniji diġà qed ifittxu mezzi kif jiffrankaw l-enerġija. F’Georgia, pereżempju, fejn l-elettriku jiġi ġġenerat bil-hydropower, Bitfury ħaddmet sistema li biha naqqset l-enerġija li tiġi ġġenerata biex tberred servers li jisħnu.

Kumpaniji oħra ħadu miżuri simili. Data centre fil-Finlandja juża ilma baħar riċiklat biex inaqqas l-użu tal-enerġija filwaqt li xi kumpaniji fetħu faċilitajiet qrib iċ-Cirku Artiku biex jibbenefikaw mill-arja kiesħa naturali.

X’tista’ tagħmel int f’dan ir-rigward?

Għal dawk li jużaw l-internet, hemm ħafna modi li bihom wieħed jista’ jagħti sehmu f’dan ir-rigward. Pereżempju billi jnaqqas l-użu tiegħu tal-internet, tgħid Jardim, attivista fil-grupp ambjentali Greenpeace.

“Peress li l-internet data hija xi ftit jew wisq ekwivalenti għall-enerġija, allura iktar ma tuża data, effettivament iktar tkun qed tikkonsma enerġija,” kompliet tfisser.

Fil-fatt, jekk sempliċiment tibgħat ritratt b’email, tkun qed titrażmetti l-istess ammont ta’ gassijiet li jsaħħnu d-dinja daqslikieku tkun qed issuq il-karozza distanza ta’ kilometru, qal Luigi Carafa, direttur eżekuttiv tal-Climate Infrastructure Partnership, għaqda volontarja bbażata f’Barċellona.

“In-nies jistgħu inaqqsu l-emmissjonijiet tal-karbonju jekk jieqfu jaraw vidjos tal-qtates” qal Falsafi, professur li jmexxi ċentru tar-riċerka għal computing sostenibbli, EcoCloud. “Sfortunatament, in-nies la huma konxji tal-problema u lanqas inċentivati biex inaqqsu l-emmissjonijiet tal-karbonju”.

Imma vera nista’ nħalli effett?

Studju li sar fl-2019 mill-fornitur tal-enerġija OVO Energy sab li kieku l-Ingliżi jibagħtu email inqas fil-ġurnata, il-pajjiż ikun jista’ jnaqqas il-carbon output b’ekwivalenti ta’ iktar minn 81,000 titjiriet minn Londra għal Madrid.