Il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali f’idejn il-Parlament nhar it-Tnejn

Il-Partit Nazzjonalista aċċetta l-proposta tal-Gvern, li d-dibattitu dwar it-talbiet tas-soċjetà ċivili jsir nhar it-Tnejn li ġej, fid-dawl tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.  
Fi stqarrija, il-PN qal madanakollu, li kellhom jgħaddu erbat ijiem biex il-Gvern jilqa' l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni mressqa mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, biex urġentament jiġu diskussi t-tneħħija tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali, u biex terġa' tibda tinbena fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż. 
"Hi ħasra li dan id-dibattitu ma sarx minnufih, iżda l-Gvern baqa' jwebbes rasu", tkompli tgħid l-istqarrija. 
Fl-istess waqt, l-Oppożizzjoni sostniet li se tkun qed tieħu sehem f'dan id-dibattitu biex twassal il-vuċi tas-soċjetà ċivili fil-Parlament. 
Nhar il-Ħadd li għadda waqt protesta fil-Belt Valletta, is-soċjetà ċivili talbet għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija, tal-AĠ, u biex dawn il-karigi jibdew jiġu eletti bl-approvazzjoni ta' żewġ terzi tal-Parlament. 
Siegħa u nofs għall-Oppożizzjoni, imbagħad siegħa u nofs għall-Gvern
Waqt laqgħa tal-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, qal li l-Gvern sema’ t-talba tal-Oppożizzjoni sabiex jissaħħu l-istituzzjonijiet fil-pajjiż.
Min-naħa tiegħu, il-Whip tal-Gvern, Byron Camilleri, qal li qed jipproponu li jsir dibattitu nhar it-Tnejn, bl-ewwel siegħa u nofs titkellem l-Oppożizzjoni, imbagħad siegħa u nofs oħra l-Gvern.
"Sorpriżi bid-deċiżjoni tal-Oppożizzjoni" – il-Gvern
Sadanittant, il-Gvern irreaġixxa għal dak li qalet l-Oppożizzjoni, meta talbet aktar żmien biex tiċċekkja dwar din l-istedina.
"Din hi konferma li l-Oppożizzjoni riedet biss tfixkel ix-xogħol tal-Kamra iktar milli tiddiskuti kwistjonijiet importanti b’mod ġenwin", temm jgħid il-Gvern