Aġġornata: Jekk tal-linja tiġi tard, tista’ tibda titlob kumpens!

Skont regoli ġodda għall-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku se jkunu jistgħu jitolbu kumpens meta l-vjaġġi jdumu ma jitilqu mid-destinazzjoni tagħhom, jew inkella ma joperawx skont kif ikun riklamat.

Minn din il-ġimgħa stess, passiġġiera se jkunu jistgħu jitolbu kumpens sa nofs il-prezz tal-biljett, kif spjegat Caroline Curneen miċ-Ċentru Ewropew għall-Konsumatur.

Ħafna passiġġiera f’Malta ħasbu li jistgħu jgħidu ‘Allerwieħ’, minħabba li l-ilmenti li l-karozzi tal-linja jaslu tard donnhom qatt ma jaqtgħu. Madanakollu jekk wieħed iħares aktar fil-fons lejn il-liġi l-ġdida, isib li l-vjaġġi jridu jkopru tul ta’ 250km jew iktar.

Din il-liġi diġà tapplika għal vjaġġi li jsiru bl-ajru u bil-baħar.

Huwa stmat li mas-70 miljun ċittadin Ewropew juża karozzi tal-linja u coaches kull sena.

Dan id-dritt ġdid mistenni jaffetwa l-aktar lill-passiġġiera li jivjaġġaw fit-tul.

Newsbook qed jistenna tweġiba mingħand il-kumpanija Arriva, dwar jekk din id-direttiva hux se taffewta b’xi mod lill-passiġġiera Maltin. Is-servizz ta’ kura għall-konsumatur ta’ din il-kumpanija talabna nibgħatu imejl għal aktar informazzjoni.

Minkejja li d-direttiiva tidħol fis-seħħ madwar l-Ewropa fil-jiem li ġejjin, s’issa konsumaturi Maltin m’humiex qed jingħataw informazzjoni.