Jekk taħsel il-platti għandek ċans tgħix aktar

Forsi ma tantx tħobb taħsel il-platti jew inkella ssajjar. Imma skont studju li sar fin-Norveġja dawn iż-żewġ attivitajiet jistgħu jkunu l-mezz biex tgħix aktar.

Xjenzati sabu li meta ta’ kuljum għal sitt minuti tagħmel l-attivitajiet normali fid-dar, bħal taħsel il-platti, issajjar, tfarfar jew taħsel l-art dan ikun ifisser li tnaqqas bin-nofs il-possibbiltà ta’ mewt matul is-sitt snin ta’ wara. Aktar ma teżerċita aktar tnaqqas ir-riskju ta’ mewt bikrija.

L-istudju sar fl-Iskola Norveġiża għax-Xjenza Sportiva f’Oslo fejn ipparteċipaw 36,000 adult, kollha voluntieri, li mill-inqas kellhom 40 sena. Huma libsu apparat apposta li kien jimmarka kull attività li kienu jagħmlu. Tqassmu f’erba’ gruppi skont kemm qalu li kienu attivi u l-istudju baqa’ sejjer għal sitt snin.

Il-British Medical Journal li ppubblika l-istħarriġ wera li matul dawn is-snin mietu 2,149-il parteċipant. L-aktar li mietu kienu dawk li kienu jagħmlu l-inqas attività. Instab li r-riskju ta’ mewt tnaqqas bi 73 fil-mija għal dawk li kienu l-aktar attivi.

It-Tabiba Charlotte Edwardson mill-Università ta’ Leicester qalet li kull attività fiżika tnaqqas ir-riskju tal-mewt.

“Aħjar tagħmel xi ħaġa milli ma tagħmel xejn,” sostniet. “Jekk ma tistax tagħmel attività fiżika goffa, xorta tista’ tagħmel xi ħaġa b’inqas intensità, bħax-xogħol normali fid-dar li jżommok fuq riġlejk.”

Il-Professur Tom Yates mill-istess Università semma li jekk f’ġurnata tagħmel disa’ sigħat u nofs bilqiegħda tkun tistieden ir-riskju tal-mewt.

Jess Kuehne miċ-Ċentru għall-Anzjanità qalet li l-muskoli u l-għadam jissaħħu meta jsir il-mixi, rkib bir-rota jew l-għawm.

“Kull forma ta’ moviment tgħin biex ngħixu f’saħħitna aktar fit-tul,” irrimarkat.