Jekk tagħraf lil dan ir-raġel informa lill-Pulizija

Il-Pulizija qed tfittex raġel li nhar il-Ħamis daħal jisraq minn post fejn qed issir wirja tal-arti fil-Belt.

Fil-filmat li qed jiċċirkola fuq Facebook ir-raġel jidher dieħel fl-istabbiliment u filwaqt li ċċekkja sew li ma kien hemm ħadd fil-kamra mar ifittex f’basket li kien fl-art u jisraq laptop li kien fih.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li s-serqa seħħet nhar il-Ħamis fil-11.15am fil-Belt minn stabbiliment fi Pjazza Reġina biswiet il-Bibljoteka Nazzjonali.

Ma’ Newsbook.com.mt sid il-laptop qalet li l-laptop li nsteraq kien tat-tip MacBook Pro b’cover tal-plastik trasparenti u appellat biex min ikollu xi informazzjoni jagħmel kuntatt mal-Pulizija biex jerġa’ jinstab il-laptop u tkun ritornata l-informazzjoni li fih.

Hija qalet kif il-ħalliel ħataf l-opportunità biex jidħol fl-istabbiliment hekk kif kien mingħalih li ma hemm ħadd fil-binja u fi ftit sekondi rnexxielu jaħrab bil-laptop moħbi taħt il-flokk. Madanakollu hi stqarret kif hi flimkien mal-kollegi tagħha kienu f’kamra oħra biswiet l-entratura tal-istess post fejn qed issir il-wirja.

Jekk wieħed jagħraf lil dan ir-raġel għandu jagħmel kuntatt mal-Pulizija jew l-Għassa tal-Belt.

Filmat: Maria Galea