“Jekk nispiċċaw bla klijenti kif se nħallsu lill-impjegati?”

Il-Ko-fundatur ta’ BloomCreative, Matthew Demarco staqsa minn fejn se jħallas lill-impjegati tiegħu jekk m’hemmx sors solidu ta’ dħul hekk kif l-avvenimenti ta’ ħafna mill-klijent ġew imħassara jew posposti.

Hu għamel din il-mistoqsija hu u jitkellem ma’ Newsbook.com.mt, partikolarment dwar l-għajnuna li għandu bżonn is-settur tal-midja lokali sabiex jirnexxielu jsalva l-battalja kurrenti kontra l-imxija tal-coronavirus.

BloomCreative hija kumpanija li taħdem fuq servizzi ta’ branding u disinn grafiku. Demarco spjega li l-kumpanija tikkrea u tmantni l-viżwali ta’ kumpaniji oħrajn, il-mod kif dawn jidhru fuq il-midja soċjali u anke fil-prodotti personali tagħhom, kif ukoll disinni editorjali ta’ preżentazzjonijiet, rapport u pubblikazzjonijiet. BloomCreative tiddisinja wkoll l-ippakkjar ta’ kumpaniji tal-ikel u x-xorb, partikolarment dawk fis-settur turistiku.

Mistoqsi kif ġiet affettwata l-kumpanija minħabba l-imxija tal-coronavirus, Demarco li għandu 32 sena, spjega li l-workflow tal-kumpanija qala’ daqqa ta’ ħarta kbira. Dan hekk kif numru ta’ proġetti li kienet intalbet taħdem fuqhom tħassru kompletament jew ġew posposti għal aktar tard. Spjega kif uħud mill-klijenti tagħhom li huma fis-settur tal-lukandi u l-ikel ġew sfurzati jagħlqu l-bibien tagħhom.

Intant qal li hemm klijenti oħrajn li wkoll kellhom jagħlqu l-bibien tal-kumpaniji tagħhom u dan qed iwassal sabiex anke ħlas ta’ proġetti li saru u għaddew, mhux qed isir. Minħabba f’hekk, il-kumpanija, similarment għal ħafna oħrajn fl-istess settur, għandha problemi kbar fil-cashflow tagħha. Dan hekk kif il-ftit kumpaniji li għadhom qed jitolbu għas-servizz, xorta hemm spejjeż b’rabta max-xogħol li jsirilhom, partikolarment fejn jidħlu s-suppliers u l-istaff.

Demarco spjega li l-għajnuna prinċipali li għandha bżonn kumpanija tat-tip hija waħda finanzjarja. Qal li minkejja li l-kumpanija tiegħu ma kinitx sfurzata tgħalaq il-bibien tagħha kompletament, ħafna mill-klijenti tagħha ġew sfurzati jagħmlu dan. Dan ifisser li kien hemm effett dirett fuq il-kumpanija tal-midja wkoll. “Minn fejn suppost jidħlu l-flus li jridu jgħinuna nħallsu l-pagi tal-ħaddiema tagħna jekk mhux mill-klijenti?” staqsa Demarco.

Hu u jitkellem dwar il-mod kif il-kumpanija kellha tadatta għas-sitwazzjonu preżenti, Demarco spjega li l-ħaddiema qed jaħdmu b’mod remot. Qal li din mhix xi ħaġa impossibbli li wieħed jagħmel f’industrija tat-tip u b’hekk ma jippretendix li l-Gvern kelli bżonn jagħmel xi ħaġa biex jgħinhom f’dan l-aspett. Spjega li hu jifhem li s-sitwazzjoni hi dik li hi u minkejja li qed toħloq diversi inkonvenjenti, hija xi ħaġa li wieħed m’għandux għażla ħlief li jgħaddi minnha.

Mistoqsi dwar kif qed iqatta’ l-ħin tiegħu f’dan iż-żmien, Demarco qal li qed jiddedika aktar ħin għal proġetti personali li forsi fi żmien normali ma kienx ikollu ċans jiddedika daqshekk ħin għalihom. Qal ukoll li qed jieħu l-opportunità biex jiżviluppa l-ħiliet tiegħu permezz ta’ tutorials u lezzjonijiet onlajn.

Il-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija llum ħabbret li se tkompli tiġbor informazzjoni mis-setturi kollha tan-negozji filwaqt li kellha diskussjonijiet virtwali ta’ 30 esperti li jokkupaw il-karigi ta’ CEOs. Dawn ġejjin mid-dinja tal-finanzji, banek u innovazzjoni. Il-Kamra tal-Kummerċ se tkun qed tippreżenta pożizzjoni ġdida lill-gvern biex tkompli tindirizza l-oqsma tan-negozju fil-pajjiż.

Il-midja lokali bħalissa għaddejja minn telf kbir, li miegħu qed iwassal ukoll għal telf ta’ dħul u saħansitra impjiegi ta’ fotografi, vidjografi, graphic designers, ġurnalisti, digital marketers u għexieren ta’ rwoli oħrajn. Demarco u l-kumpanija BloomCreative huma biss eżempju wieħed minn għexieren ta’ persuni u kumpaniji li qed jitħallew lampa stampa f’dan iż-żmien. Newsbook.com.mt flimkien ma’ 60 entità oħra qed jappella lill-Gvern biex jagħti widen lis-settur u jtaffi d-daqqa ta’ ħarta li ħa fl-aħħar ġimgħat sabiex hu wkoll ikun jista’ jsalpa f’din il-maltempata.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn