Jekk sejjer l-Olanda trid tagħmel 10 ijiem kwarantina

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Olanda sar l-aktar pajjiż riċenti li poġġa lil Malta fuq il-lista ta’ vjaġġar b’restrizzjonijiet hekk kif passiġġiera li se jkunu qed jivvjaġġaw minn Malta lejn il-pajjiż, iridu jagħmlu kwarantina obbligatorja għal 10 ijiem.

Skont is-sit tal-gvern Olandiż, il-vjaġġaturi se jkunu mitluba jagħmlu kwarantina mandatorja ta’ 10 ijiem, anke jekk ma jkollhom sintomi tal-virus, jew ikollhom f’idejhom test b’riżultat fin-negattiv għall-coronavirus. Mal-wasla tagħhom fl-Olanda, dawk li jaslu fil-pajjiż jistgħu jew jagħmlu kwarantina f’darhom jew inkella fl-akkommodazzjoni tal-btala tagħhom.

COVID-19 situation updateMalta remains open to Dutch travellers. Anyone arriving in Malta from The Netherlands is not…

Posted by Embassy of the Netherlands in Malta on Wednesday, October 21, 2020

Tliet ijiem ilu, il-Ġermanja żiedet lil Malta fil-lista l-ħamra. Id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq rakkomandazzjoni mir-Robert Koch Institute, aġenzija tal-gvern federali u l-istitut tar-riċerka responsabbli għall-kontroll tal-mard u l-prevenzjoni. Il-lista qed tkun aġġornata kull ġimgħa bit-territorji kategorizzati bħala ta’ riskju għoli.

Kull min qed jasal minn territorji ta’ riskju għoli jrid jippreżenta swab test fin-negattiv li jkun sar fl-aħħar 48 siegħa. Alternattiva għal dan, ħafna ajruporti qed joffru faċilitajiet ta’ testing b’xejn mal-wasla tal-passiġġiera. Persuni li jkunu qed jivvjaġġaw qed jintalbu jmorru direttament lejn id-destinazzjoni u jibqgħu fi kwarantina għal perjodu ta’ ġimgħatejn.

Min-naħa l-oħra, Malta hija miftuħa għal persuni li jridu jżuruha mill-Olanda. Kull min jasal mill-Olanda la hu mistenni jagħmel kwarantina u lanqas mhu qed ikun obbligat jippreżenta test negattiv. Persuni li jivvjaġġaw lejn Malta u li jkunu ġejjin mill-pajjiż li hemm fuq il-lista l-oranġjo huma dawk li qed jintalbu joffru riżultat negattiv ta’ test li jkun sar sa massimu ta’ 72 siegħa qabel il-wasla lejn Malta.

L-Ambaxxata tal-Olanda f’Malta avżat lil dawk li qed jivvjaġġaw lejn Malta biex jimxu mal-aħħar miżuri restrittivi impost mill-gvern Malti biex titnaqqas il-firxa tal-virus.

Dawn il-miżuri jgħidu li l-maskri jridu jintlibsu minn kulħadd f’postijiet pubbliċi, kemm fuq ġewwa u anke fuq barra. Jistgħu jitneħħew mal-mejda f’bars u restaurant. Ir-restoranti u l-bars se jitħallew jibqgħu miftuħin biss sal-11pm.

Malta qed tkun meqjusa bħala pajjiż ta’ riskju għoli mill-istati Baltiċi u l-Belġju.

Illum, l-awtoritajiet tas-aħħa rrappurta 155 każ ġdid tal-coronavirus wara 2,823 swab test fl-aħħar 24 siegħa. In-numru ta’ każi attivi fil-pajjiż telgħa għal 1,649. Il-pandemija s’issa ħasdet il-ħajja ta’ 46 persuna fil-pajjiż.