Jekk sejjer iċ-Ċina tlaqqam għall-influwenza – Dipartiment tas-Saħħa

Read in English.

Jekk wieħed ikun sejjer iċ-Ċina għandu jitlaqqam għall-influwenza minn ġimagħtejn qabel skont is-Sovritendenza għas-Saħħa Pubblika.

Fi stqarrija l-awtorità għas-saħħa qalet li qed issegwi l-clusters tal-pneumonia li instabu f’Wuhan City fiċ-Ċina. Intqal li fit-12 ta’ Jannar instab coronavirus ġdid li aktarx kien wara l-outbreak fiċ-Ċina. Skont l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa (WHO) m’hemmx evidenza ċara li turi li l-virus jista’ jiġi trażmess minn persuna għal oħra.

L-awtoritajiet tas-saħħa qalu li dawk li sejrin f’Wuhan għandhom jevitaw postijiet fejn ikun hemm l-annimali u jaħslu idejhom sew fost affarijiet oħra.

Dawk li f’14-il ġurnata wara żjara sa Wuhan ikollhom mard respiratorju għandhom jikkuntattjaw tabib u javżaw lid-Diptartiment tal-Kontroll tal-Mard li Jittieħed fuq 21324086.

Hemm biss riskju baxx li virus misterjuż li jidher li infetta lil mijiet ta’ persuni fiċ-Ċina jidħol Malta, skont is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci.

Ilbieraħ il-Professur Charmaine Gauci qalet lil Newsbook.com.mt li l-virus bħalissa huma limitat għaż-żona taċ-Ċina. Qalet ukoll li jidher li dan it-tip ta’ virus ma jinfirixx daqshekk malajr meta mqabbel ma’ riħ komuni.

Gauci qalet li hemm riskju baxx li każijiet tal-virus jidħlu fl-Ewropa minħabba li ma tantx ikun hemm nies li jmorru Wuhan. Spjegat li s-sitwazzjoni qed tiġi analizzata mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) u mill-Kummissjoni Ewropea.