Jekk se tuża ritratt mill-internet trid permess

Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddeċidiet li kulmin juża l-internet irid isaqsi għal permess lill-fotografu li jkun ħa r-ritratt li wieħed jixtieq juża.

Il-Qorti Ewropea kellha tiddeċiedi dwar każ li seħħ fil-Ġermanja, fejn student niżżel ritratt għal proġett tal-iskola minn fuq sit tal-ivjaġġar. L-istess ritratt kien ippubblikat aktar tard fuq is-sit tal-iskola wkoll.

Il-fotografu li ħa r-ritratt argumenta li l-iskola kisret il-liġi tal-awtur għaliex hu kien ta permess biss lis-sit tal-ivjaġġar. Huwa saħaq li l-ħsara tista’ tammonta sa €400.

Il-Qorti qalet li taħt id-Direttiva Ewropea tal-Liġi tal-Awtur, l-iskola messha saqsiet għal approvazzjoni mingħand il-fotografu qabel ma ppubblikat ir-ritratt.